Internazzjonali

LVANT NOFSANI: Is-sitwazzjoni tinsab fix-xifer

It-tensjoni fil-Lvant Nofsani kompliet teskala għal livell perikoluż immens wara l-attakki bid-drones u l-missili fuq Iżrael mil-Iran is-Sibt li għadda. Kien għalhekk li s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, talab sabiex il-Lvant Nofsani jieħu pass lura – għaliex jinsab fix-xifer ta’ kunflitt fuq skala katastrofika, u l-ħajja ta’ miljuni tinsab f’riskju.  

L-attakk li seħħ matul fil-lejl tas-Sibt u ġibed lejh kundanna internazzjonali. Kien għalhekk li Iżrael talab lin-Nazzjonijeit Uniti biex jimponu “s-sanzjonijiet kollha possibbli” fuq l-Iran, b’reazzjoni għal din l-aggressjoni.

Dan l-appell sar waqt laqgħa urġenti tal-Kunsill tas-Sigurtà, preseduta minn Malta.

L-Iran, min-naħa tiegħu, wissa kontra kwalunkwe ritaljazzjoni minn Iżrael, u wiegħed li se jirrispondi b’qawwa akbar għal kull attakk.  

S’issa għadu mhuwiex ċar kif Iżrael qed jippjana li jirrispondi għal dan l-attakk; iżda l-Ministru Benny Gantz wissa li l-Iran se jpatti fil-ħin opportun u jħallas il-“prezz eżatt” għall-attakk li sar fuqhom.