Lokali Qorti

Probation wara li ammetta li hedded bil-kliem lill-eks sieħba tiegħu

Sirjan ta’ 56 sena, residenti Marsaskala, ingħata ordni ta’ probation għall-perjodu ta’ tliet snin wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li nhar is-Sibt li għadda u qabel hedded lill-eks sieħba tiegħu bi kliem iebes, tant li kien hemm il-biża’ reali li se tintuża vjolenza fil-konfront tal-vittma.

Is-Sirjan li ismu mhux qed jissemma biex tiġi protetta l-identità tal-vittma u żewġt itfal, ammetta wkoll li bl-aġir tiegħu ħareġ barra mill-limiti tal-provokazzjoni. Il-mara għandha tifla minnu u tifla oħra minn relazzjoni oħra.

Il-ħati li qal lill-Qorti li jaħdem bħala bajjad, tressaq mill-Ispettur Audrey Micallef u ammetta wkoll li kkaġuna biża’ li se tintuża vjolenza fil-konfront tat-tifla l-oħra tal-vittma li mhijiex bintu. Ammetta wkoll li għamel reat permezz ta’ network jew apparat ta’ komunikazzjoni elettronika fil-konfront tal-vittma.

Il-Qorti laqgħet talba għal ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma għal perjodu ta’ tliet snin. Il-koppja m’għadhiex f’relazzjoni minn mindu twettaq l-aħħar theddid fil-konfront tal-mara.

Għas-Sirjan dehru l-Avukati Joseph Giglio u Michaela Giglio. L-Avukat Edmond Cuschieri deher bħala parte civile fil-każ.