Lokali

RAYE u DJ Snake għall-‘Isle of MTV’

Il-kantanta RAYE li għadha kemm kaxkret sitt unuri fil-Brit Awards, kif ukoll Dj Snake, huma l-ewwel żewġ artisti konfermati għas-16-il edizzjoni tal-Isle of MTV.

Din is-serata se tkun qed issir nhar is-16 ta’ Lulju fuq il-Fosos tal-Furjana. Għalkemm il-line up kollu għall-  Isle of MTV ta’ din is-sena għadu mhux finalizzat, diġà jidher li se jkun wieħed li se jattira diversi segwaċi, kif spjegalna  Russell Samuel f’isem il-kumpanija Paramount.

L-artista Britannika ta’ 26 sena RAYE, se tkun tagħti prestazzjoni waqt dan l-avveniment b’kanzunetti mill-album My 21st Century Blues li rebaħ l-unur tal-album tas-sena waqt il-Brit Awards ta’ din is-sena.

Qabel ma għamlet id-debut tagħha bħala solista, Raye kitbet il-lirika ta’ diversi kanzunetti għal artisti varji li jinkludu Beyonce, Little Mix, Rihanna u anka Ellie Goulding.

Artist ieħor ta’ fama mondjali li se jkun qed jagħti l-prestazzjoni tiegħu fis-16-il edizzjoni tal-Isle of MTV huwa Dj Snake, magħruf l-aktar għax-xogħol li jagħmel b’kollaborazzjoni ma artisti oħra fosthom ma’ Major Lazer għal-‘Lean On, kif ukoll ma’ Selena Gomez, Ozuna u Cardi B għall-kanzunetta Taki Taki.

Intant għad irid jiġi kkonfermat liema artisti addizzjonali se jkunu qed jieħdu sehem waqt l-Isle of MTV, li issa huwa avveniment mistenni minn bosta persuni kemm Malta kif ukoll internzzjonalmet – kunċert li ilu jsir mis-sena 2007.