Lokali

Robert Abela jiddefendi l-mudell ekonomiku u jgħid li “qdiena”

Mudell ekonomiku li qdiena.

Hekk iddikjara l-Prim Ministru Robert Abela meta mistoqsi jekk hux se jkompli jiddefendi dan il-mudell ekonomiku, li sarraf  fi spluzjoni fil-popolazzjoni u f’effetti kbar fuq l-infrastruttura u l-isptarijiet tagħna.

Mudell ekonomiku li wassal ukoll għal ġimgħat mingħajr provvista tal-elettriku fix-xhur tas-sajf, u konġestjonijiet ta’ traffiku f’kull ħin tal-ġurnata.

Mudell ekonomiku li wassal għal standard of living baxx kif jixhdu diversi studji li qed issiru. Però skont il-Prim Ministru Robert Abela, il-livell ta’ għixien  żdied; għalkemm fl-istess nifs ammetta wkoll li  dan il-mudell ekonomiku iġib miegħu ħafna inkonvenjent.

Intant, Abela prova jfarfar meta mistoqsi dwar il-problema tat-traffiku li għadha evidenti ferm f’pajjiżna. Bis-sitwazzjoni baqgħet dejjem sejra għall-agħar, sena wara l-oħra.

Dwar is-settur tas-saħħa, il-Prim Ministru wera biċ-ċar li m’għandu l-ebda ħjiel ta’ kif se jsolvi il-kwistjonijiet li ħoloq il-Gvern stess biż-żieda fil-popolazzjoni – il-problemi fl-Emerġenza, il-waiting lists twal u mediċini out of stock.

Robert Abela kien qed iwieġeb id-domandi ta’ Net News wara żjara f’fabbrika tal-farmaċewtika; settur li inħoloq minn Gvern Nazzjonalista.