Lokali

Robert Abela se jħalli lis-Sindku tas-Siġġiewi jikkontesta

Il-fake news li xerred fuq Facebook is-Sindku tas-Siġġiewi dwar semplici bankina ħarbtet għal kollox il-kampanja tal-Labour. Tant li qed issir pressjoni fuq Robert Abela biex Dominic Grech ma jikkontestax –  però, jidher li xorta se jiitħalla joħroġ għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Quddiem persuna li xerred fake news billi uża l-photoshop biex juri il-ħidma li suppost għamel fuq sempliċiment bankina, il-Prim Ministru prova jkun bilanċat fi kliemu. Filwaqt li ma qabiżx għas-Sindku, fl-ebda ħin ma ddikjara li se jirtira l-kandidatura tiegħu.

Ftit tal-jiem ilu Dominic Grech, is-Sindku Laburista tas-Siġġiewi, tefa’ ritratt fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook fi Triq id-Difa, fejn il-bankina dehret ġdida fjamanta. Però, fil-verita din it-triq fis-Siġġiewi kienet imkissra – mimlija ħaxix ħażin u b’ħafna ħofor fil-ħajt li qiegħed iserraħ miegħu.

Dwar din il-fake news staqsejna wkoll lil Alison Zerafa Civelli, is-Segretarju Parlamentari  għall-Gvern Lokali, li wara li baqgħet tgħid li ma tafx fuq xiex qed nistaqsuha, ammettiet li ma ssib l-ebda problema biex Dominic Grech jerġa’ jikkontesta.

Dwar is-Sindku tas-Siġġiewi staqsejna wkoll lill-Ministru Owen Bonnici, il-Ministru responsabbli mil-Gvern Lokali, jekk jikkundannax dak li għamel Grech.

Il-Ministru wieġebli hu kuntent bil-mod kif jaħdmu flimkien.

Minkejja li staqsejna kif il-ħidma tista’ tkun waħda tajba ġaladarba dan gideb fuq sempliċiment bankina, il-Ministru ġġustifika dan għax skont hu, Grech huwa Sindku ta’ ħafna enerġija.