Lokali Qorti

Taħfer lil żewġha li allegatament stupraha

Kawża li fiha raġel ta’ 31 sena hu mixli li stupra lis-sieħba, waqgħet wara li hija ma riditx tkompli bil-kawża ħalli ma jitlifx xogħlu. Isem ir-raġel mhux jixxandar biex ma tinkixifx l-identità tal-mara. It-tnejn li huma barranin u li r-raġel għandu permess ta’ residenza Maltija.

Ir-raġel kien mixli li stupraha fil-lejl ta’ bejn l-24 u l-25 ta’ Marzu li għadda fir-residenza f’San Pawl il-Baħar fejn jgħix. Fid-dikjarazzjoni tagħha l-mara qalet li minkejja dak li ġara, hi xorta waħda għadha tħobbu u ma tridux li jispiċċa l-ħabs.

L-Ispettur John Spiteri informa lill-Maġistrat Gabriella Vella li l-mara ma xtaqitx tipproċedi bil-kawża. Meta l-Maġistrat staqsiet lill-mara, din qalet li jekk il-kawża tkompli huwa jitlef xogħlu f”Malta, u li jispiċċa jkollu jitlaq mid-dar.

Il-Maġistrat Vella qalet li l-mara ma dehritx li kienet sfurzata fid-deċiżjoni tagħha. Hija żiedet li minkejja li l-akkuża kienet serja, riedet tirrispetta d-deċiżjoni tal-mara. Kien għalhekk li waqqfet il-proċeduri fil-konfront tar-raġel.

Il-Qorti, fid-deċiżjoni tagħha kkunsidrat ix-xhieda mogħtija mill-mara u anke l-imġiba tagħha
fuq il-pedana tax-xhieda waqt li tkun qed tagħti x-xhieda tagħha, u hija l-opinjoni tal-Qorti li l-allegata vittma verament u tassew, u l-aktar importanti volontarjament u liberament, trid li l-proċeduri kontra l-akkużat jiġu sospiżi.

Ir-raġunijiet mogħtija minnha juru biċ-ċar din ix-xewqa tagħha li jeħtieġ li jiġu rispettati minkejja n-natura serja tar-reati li bihom l-akkużat qed jiġi mixli. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti qed tilqa’ t-talba mressqa fis-26 ta’ Marzu 2024 u tordna l-waqfien ta’ dawn proċeduri kontra l-akkużat.