L-OPINJONI
Tliet gowls fl-ewwel taqsima kienu l-bidu ta’ rebħa komda u konvinċenti li kisbu Floriana hekk kif rebħu lil Mosta bl-iskor ta’ 4-0 biex b’hekk komplew iżommu l-ewwel post tal-klassifika meta fadal tliet logħbiet għat-tmiem tal-kampjonat. Din kienet logħba bejn żewġ timijiet fil-bżonn tal-punti iżda b’objettivi differenti. Il-Greens riedu jkomplu jżommu l-ewwel post kif ukoll li fi tmiem il-ġimgħa tal-festa jkomplu jiċċelebraw b’rebħa oħra. Mosta wkoll bdew jittamaw li jiksbu xi punti bl-għan li jsalvaw posthom fil-kampjonat Premier għaliex il-pożizzjoni tagħhom hija waħda prekarja. Iżda meta tqis id-differenza fil-kwalità, din kienet missjoni xi ftit diffiċli. B’hekk Floriana kisbu d-double wara li fl-ewwel round huma kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0.
L-awtur tal-ewwel żewġ gowls ta’ Floriana, Willis Luis Furtado, imdawwar mill-plejers ta’ Mosta (Ritratt: Joseph Galea)
Ħamrun Spartans irrispondew għar-rebħa ta’ Floriana hekk kif huma għelbu l-ostaklu bl-isem ta’ Gżira United b’gowl uniku skurjat fl-aħħar sekondi tal-ewwel taqsima. Partita li kif kien mistenni ma kenitx waħda faċli hekk kif l-Ispartans kellhom iżommu sod sat-tmiem fejn anki għaddew minn mumenti diffiċli. Aktar minn hekk kellhom jilagħbu għal xi ħin bi player anqas wara li tkeċċa Emerson Marcelina, biex il-kompitu tagħhom sar wieħed aktar diffiċli. Fil-fatt wieħed jista’ jikkonkludi li ċ-champions renjanti żgur ma kellhomx l-aqwa wirja, bil-Maroons joffru wirja tajba fejn kienu ferm viċin li jieħdu xi ħaġa minn din il-logħba diffiċli. Meta issa fadal tleit logħbiet għat-tmiem, minkejja li Gżira United mhux matematikament salvi imma realistikament huwa kważi impossibbli li jispiċċaw relegati.
Il-plejer ta’ Ħamrun Jonny Robert jaqbeż lil Zachary Cassar ta’ Gżira (Ritratt: Joseph Galea)
Hibernians u Valletta ħadu punt kull wieħed minn konfront missielet ferm fejn dan ir-riżultat ma ssodisfa lil ħadd miż-żewġ timijiet. Valletta issa għadhom fiz-zona l-ħamra u jinsabu jiddependu mhux biss mir-riżultati tagħhom għax dawn jafu ma jkunux biżżejjed. Is-sitwazzjoni hija waħda diffiċli għalihom fejn il-bieraħ kienet logħba li kienu viċin li jiksbu l-ewwel rebħa wara tliet xhur iżda l-gowl ta’ Degabriele ħassrilhom kollox. Li kieku ħadu t-tliet punti l-Beltin kienu jibdew jemmnu aktar. Iżda l-pożizzjoni tagħhom meta fadal tliet logħbiet għat-tmiem, ma tantx tawgura affarijiet sbieħ.
Min-naħa l-oħra Hibernians telgħu fil-ħames post tal-klassifika tal-kampjonat BOV Premier, punt fuq Birkirkara iżda tliet punti taħt Marsaxlokk li jinsabu fir-raba’ post, post li jista’ possibbilment ifisser Ewropa.
Jurgen Degabriele fi dwell maż-żagħżugħ Jake Azzopardi (Ritratt: Josef Fitzpatrick)
Birkirkara kisbu d-disa’ rebħa tal-istaġun wara li huma għelbu lit-tim tal-qiegħ Gudja United bl-iskor ta’ 2-0. Din il-logħba kienet biss formalità hekk kif l-Istripes kienu qed jilagħbu kontra tim relegat, tim li għadu bla rebħa dan l-istaġun. Fil-fatt, kienet logħba li t-tim immexxi minn Jose Borg iddomina mill-bidu u mingħajr ebda sforzi żejda kiseb tliet punti li bihom jinsab fis-sitt post tal-klassifika. Distakkat b’erba’ punti minn M’Xlokk li jinsabu fir-raba’ post. Għaldaqstant huwa ċar li l-mira prinċipali tal-Istripes tibqa’ dik li jippruvaw itemmu staġun diżappuntanti bl-istess mod li temmewh is-sena li għaddiet, bir-rebħ tal-Izibet FA Trophy. Fejn dawn l-aħħar logħbiet qed iservu sabiex it-tim ikun preparat tajjeb għas-semifinali u l-eventwalità ta’ finali.
Balzan u Sliema Wanderers temmew il-logħba ta’ bejniethom fi draw ta’ 1-1. Riżultat tajjeb għal Sliema hekk kif huma jinsabu komdi fit-tielet post tal-klassifika, bil-kwalifikazzjoni fl-Ewropa prattikament garantita wara r-ritorn tagħhom fil-Kampjonat Premier dan l-istaġun. Fil-fatt, tragward eċċellenti miksub mill-Wanderers. Verament li fadal tliet logħbiet u l-vantaġġ li għandhom fuq M’Xlokk huwa ta’ sitt punti imma huwa diffiċli biex it-tim immexxi minn Paul Zammit ifalli milli jilħaq dan anki meta tikkunsidra l-avversarji li fadlilhom. Mhux l-istess jista’ jingħad għal Balzan li kienu ferm viċin li jiksbu tliet punti, li kienu jfissru kważi salvazzjoni matematika. Għadhom mhux salvi imma viċin li staġun ieħor jerġgħu jkunu mal-kbar.
Il-captain ta’ Sliema Geoffrey Acheampong bil-pussess tal-ballun fi draw kontra Balzan (Ritratt: Josef Fitzpatrick)
Sirens ħasdu lil Naxxar hekk kif it-tim minn San Pawl il-Baħar kiseb it-tieni rebħa tal-istaġun. Rebħa li ma tfisser xejn peress li huma diġà jinsabu relegati imma xorta waħda turi l-impenn li għandu dan it-tim. Mill-banda l-oħra, l-Lions bdew jaspiraw li jsalvaw f’din il-partita iżda naqsu li jagħmlu dan. Fil-fatt kollox deher li Naxxar ser jiksbu din ir-rebħa iżda lejn tmiem il-partita nbidel kollox hekk kif Sirens dawru telfa f’rebħa b’żewġ gowls fl-aħħar ħames minuti tal-logħba. B’din ir-rebħa t-tim immexxi minn Steve D’Amato tal-anqas aċċerta li ma jispiċċax f’qiegħ il-klassifika.
Marsaxlokk komplew għaddejjin bir-ritmu sabiex jippruvaw jiksbu r-raba’ post tal-klassifika wara li huma għelbu lil Santa Lucia bl-iskor ta’ 3-0, fl-ewwel logħba li fetħet it-tlieta u għoxrin ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier. Il-punti kienu importanti għaż-żewġ naħat fejn din it-telfa għas-Saints tista’ tfisser ħafna. Għax minkejja li mit-timijiet li qed jissieltu magħhom kienu biss Valletta li avvanzaw punt, il-logħba li jmisshom hija kontra Ħamrun Spartans, tim li jrid jirbaħ biex ikompli jsegwi lil Floriana sal-aħħar ġurnata fit-taqtigħa għar-rebħ tal-Kampjonat. Kienet logħba li wara bidu kwiet rat lix-Xlukkajri jieħdu l-kontroll tal-partita l-aktar wara li spiċċaw b’raġel aktar hekk kif fl-aħħar parti tal-logħba din id-differenza kienet evidenti.
INNUTAJNA
LI l-Amateur League ismu miegħu. Għax dak li seħħ fi tmiem il-ġimgħa jikkonferma dan. It-tim tal-Kalkara niżel għal-logħob b’disa’ players u wara li weġġgħu tnejn u mbagħad il-gowlkeeper, il-logħba ġiet abbandunata meta r-riżultat kien ta’ 7-0- favur Mtarfa. Anqas taf jekk tidħaqx jew tibkix.
LI wara riżultati pożittivi f’diversi kategoriji differenti tal-futbol lokali, issa kien imiss li niksbu riżultati storiċi anki fil-futsal. Fil-fatt it-tim nazzjonali Malti taħt il-gwida tal-kowċ Gabriel Dobre, ikkwalifika għall-Main Round tal-UEFA Futsal Ewro 2026 wara rebħiet kontra l-Iskozja, Ġibiltà u l-Iżvizzera. Prosit.
LI ma’ tistax ma tammirax il-partitarji ta’ Valletta fejn minkejja li t-tim jinsab viċin li jisfa’ relegat għaċ-Challenge League, xorta waħda telgħu fl-Istadium Nazzjonali f’numri kbar sabiex jinkoraġġixxu lill-players tagħhom. Il-partitarju tridu dejjem warajk imma aktar fil-mument diffiċli.
//= $special ?>