Lokali

Zarb Coaches b’investiment uniku f’vetturi elettriċi

Zarb Coaches, kumpanija lokali tat-trasport li ilha taħdem mill-1947, ħabbret li se tibda topera b’erba’ vetturi elettriċi ġodda. Din hija l-ewwel kumpanija fis-suq lokali li għamlet investiment ta’ dan it-tip biex b’hekk għandha erba’ coaches li joperaw mija fil-mija bl-elettriku.

It-tnedija saret il-Ġimgħa filgħaxija b’attività li mmarkat pass importanti ’l quddiem mhux biss għall-kumpanija li ilha taħdem ħafna biex tnaqqas l-emmisjonijiet, iżda wkoll għal Malta. 

Ritratt: Martin Agius

Il-kumpanija qalet li hi impenjata biex tibqa’ tnaqqas is-C02 hekk kif fost l-oħrajn, għandha numru ta’ vetturi  bil-paneli solari kif ukoll panelli solari fuq il-bejt tal-uffiċini kollha tagħhom – biex b’hekk jiġġeneraw enerġija nadifa.

Il-kumpanija qalet ukoll li hi se tkompli taħdem biex tassigura li tibqa’ tħaddan soluzzjonijiet ta’ trasport nodfa u ekoloġiċi, sabiex mhux biss inaqqsu l-marka tal-karbonju iżda wkoll jinħoloq preċedent għal prattiċi sostenibbli fl-industrija.

Ritratt: Martin Agius

Huwa stmat li f’Malta hawn iktar minn 400,000 vettura privata li jħallu ammont kbir ta’ emissjonijiet fl-arja u għalhekk investimenti bħal dan huma ta’ ġid għall-poplu kollu.

Ritratt: Martin Agius

Il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea kkommettew ruħhom li sas-sena 2050 l-Ewropa tkun carbon neutral – li f’kelma oħra jfisser illi jkollna sistema li ma tniġġisx. Fost dawn il-pajjiżi hemm ukoll Malta, illi trid tassigura li sa dik l-istess sena pajjiżna ma jkunx qed iniġġeż l-arja ta’ madwarna.