Sport

  Windsurfing Round Malta Race


Il-Malta Young Sailors’ Club organizza  Windsurfing Round Malta Race, li kienet l-aħħar kompetizzjoni ta’ kwalifikazzjoni għall-avveniment li jmiss  ta’ Foiling 100, fejn il-partecipanti se jkunu qed jaqsmu minn San Pawl il-Baħar għal Ragusa.

Ħames partecipanti – Jean Paul Fleri Soler, Karl Miggiani, Shaun Miggiani, Seb Ripard u Tom Zammit Tabona bdew it-tellieqa iktar kmieni fl-9:40am meta telqu f’korsa madwar Malta.

Il-kundizzjonijiet iebsa għal baħrin, liema kundizzjonijiet kienu qegħdin jinbidlu ta’ spiss fejn raw l-imbatt li laħaq madwar 2.5 metru u veloċitajiet tar-riħ li jvarjaw bejn  30 u 5 mili nawtiċi fis-siegħa. 

Karl Miggiani kien fuq quddiem għall-biċċa l-kbira tal-korsa, b’Jean Paul Fleri Soler, rebbieħ tal-ewwel tiġrija Windsurf Malta-Sqallija lura fl-1984; warajh. Filwaqt li t-tnejn irnexxilhom itemmu l-korsa, il-kundizzjonijiet tat-temp fixklu l-progress tal-baħħara l-oħrajn, b’Zammit Tabona jirtira qrib Bengħajsa u Shaun Miggiani u Ripard jirtiraw qrib l-Armier. Dan meta r-riħ naqas għal kollox mingħajr l-ebda tama li kien ser jirnexxilhom jaslu lura lejn San Pawl il-Baħar.

Ir-rekord il-ġdid issa hu ta’ 3 sigħat, 46 minuta u 5 sekondi. Ir-rekord ta’ qabel, stabbilit fl-1995 minn Carmelo Abela, kien ta’ 5 sigħat u 21 minuta. Ir-rekord tal-ibburdjar madwar Malta minn jott – stabbilit minn Artie III ta’ Lee Satariano fl-2019 – huwa ta’ 4 sigħat u 44 minuta.

Il-Malta Young Sailors’ Club issa qed jipprepara għall-avveniment Foiling 100, li huwa skedat li jsir bejn is-16 u d-19 ta’ Mejju u se jikkonsisti f’tellieqa ta’ 100km minn San Pawl il-Baħar sa Ragusa fi Sqallija.