Lokali Qorti

Il-Kolumbjana li nqatlet ma kinitx kuntenta fir-relazzjoni mal-akkużat fl-aħħar xahar

Fl-aħħar xahar qabel ma nqatlet il-Kolumbjana Sandra Ramirez ta’ 43 sena, li ġiet aggredita b’26 daqqa ta’ sikkina, ma kenitx kuntenta mas-sieħeb tagħha u li bdiet tiffrekwenta raġel ieħor. Dan ħareġ meta kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi kontra Fabian Eliuth Garcia Parada, ta’ 39 sena, akkużat li fit-13 ta’ Jannar li għadda qatel lill-eks sieħba tiegħu, wkoll mill-Kolumbja, fl-appartament mikri lill-koppja f’Tas-Sliema.

L-ispettur Micheal Vella xehed fil-Qorti li dakinhar għall-ħabta tas-6:30am, irċieva telefonata mis-surgent, li qallu li kien għadu kemm daħal rapport ta’ omiċidju. Spjegalu li ftit tal-ħin qabel is-6:15am, daħal persuna l-Għassa ta’ nazzjonalità Kolumbjana u kif daħal għaddielhom il-mobile tiegħu u permezz ta’ application li tagħmel t-translation, bl-Ispanjol tradott għall-Ingliż u li kienet tgħid: “I murdered my ex partner during an argument inside my home”.

Il-Pulizija infurmawh bid-drittijiet tiegħu u għamlulu tfittxija. Fuq il-persuna tiegħu nstab mobile ieħor li wara ġie konfermat li kien tal-vittma u sett ċwievet tal-istess appartament fejn kienu jabitaw l-akkużat u l-vittma. Il-pulizija marru fuq il-post u rnexxielhom jiftħu u jidħlu.

Fil-kamra tas-sodda raw mara minduda li kellha ammont ta’ feriti fuq ġisimha. Hi kienet mgħottija b’liżar tas-sodda. Is-surġent neħħa l-liżar minn fuq wiċċa u deher biċ-ċar li ma kenitx għadha ħajja. Fuq il-post ġew innutati li kien hemm diversi CCTV cameras u l-filmati ġew elevati.

“Permezz tal-cameras stajna nistabbilixxu li ħadd iktar ma daħal fl-appartament ħlief il-vittma u l-akkużat”, qal ix-xhud. Minn stħarriġ li sar fil-post, il-Pulizija qalet li stabbilixxiet li l-appartament jgħajjat lil Aaron Camilleri fejn ikkonferma li l-kera tgħajjat lill-vittma u lill-akkużat.

Fl-appartament il-Puliziija innutat sikkina li kellha dmijja fuqha u nnutat irċevuta li kienet datata ġurnata qabel mingħand il-PAVI, viċin ħafna ta’ fejn jaħdem l-akkużat f’Cafè Cuba. Il-Pulzija fl-għassa ta’ Ħal Qormi elevaw il-ħwejjeġ tal-imputat. Kienu wkoll ittieħdu diversi xhieda bil-ġurament wara nofsinhar, u dan bl-audiovisual li baqgħu ppreżervati fl-inkjesta.

Fix-xhieda ngħad li l-aħħar xahar qabel inqatlet, Sandra Ramirez kienet qalet lill-akkużat li ma kinitx kuntenta miegħu u xtaqet twaqqaf ir relazzjoni tagħhom. Irriżulta wkoll li Sandra kient qed tiffrekwenta persuna ġdida maskili ta’ nazzjonalità Palestinjana.

L-argumenti li kienu ikollu magħha, kien li billi hi kienet għalliema tal-Ingliż, din ma kinixt ittih l-attenzjoni li xtaq biex jitgħallem l-Ingliż u minħabba hekk dan spiċċa jaħdem bħala dishwasher, fejn fil-Kolumbja hu kien teacher tal-PE.

Skont l-akkużat, qal ix-xhud, darba kien spiċċa kmieni mix-xogħol u xħin wasal id dar sab lil Sandra ma dan il-persuna maskili u semagħha tgħid il-kliem ‘I Like You’. Qal li kien irrabjat ħafna, u xħin ra hekk qabad u telaq ‘il barra mill-appartament.

L-akkużat kien irnexxielu jsib lil persuna maskili fuq TiktTok. Mal-Assistenti Kummissarju Keith Arnaud, l-akkużat kien interrogat għal madwar sagħtejn, u kkonferma li kienu ilhom Malta sentejn. Ikkonferma wkoll li kienu jabitaw biss hu Sandra, fuq il-mobiles li sabulu huwa kkonferma li wieħed kien tiegħu u wieħed ta’ Sandra.

Dwar ir-relazzjoni ma’ Sandra qal li kienu jagħmlu kollox flimkien u li fl-aħħar vaganza flimkien f’Pariġi kien proponielha. Meta ġie muri r-ritratt tagħha, tbissem, u qal li kienu kuntenti flimkien, kienu koppja perfetta u li kienu ppjanaw ħajjithom flimkien.

Meta mistoqsi kif kienet ir relazzjoni tagħhom riċentament, għażel li ma jwiġibx għal mistoqsijiet. Mistoqsi wkoll fejn kien nhar it-12 ta’ Jannar, lejlet il-qtil – stqarr li qagħad ġurnata sħiħa xogħol. Meta kien muri r-ritratt ta’ Sandra flimkien mas-sieħeb il-ġdid tagħha, hu qabad l-istess ritratt u dawru wiċċu ‘l isfel, u qal li ma kienx jaf min hu l-persuna.

“Meta kkonfrontajnih dwar l-evidenza, rigward is-sikkina u l-inbid mixtrija mill-PAVI ftit qabel il-qtil, huwa kkonferma li mar jixtri u qalilna li kienu jħobbu l-inbid, u s-sikkina kien xtraha għaliex Sandra riedet sikkina tajba biex tkun tista’ ssajjar.

“Meta staqsejnieh jekk xtrahiex biex joqtol lil Sandra, ma weġibx għal mistqosija. Meta wrejnieh ir-ritratt tal-katavru, biddel id-diskors u kien jidher iktar ikkonċernat biex ibiddel il-ħwejjeġ ta’ fuqu milli dwar l-eks tfajla tiegħu li kienet għadha kemm instabet mejta,” qal ix-xhud.

Aktar tard huwa stqarr li fil-Kolumbja kien teacher, kien jgħallem affarijiet tajbin lill-istudenti tiegħu u spiċċa jaħdem bħala dishwasher minħabba li ma kienx jaf jitkellem bl-ingliz.

Xhud ieħor kien il-Kunstistabbli Owen Frendo. “Kont qiegħed xogħol fl-għassa ta’ ta’ Tas-Sliema u daħal l-akkużat fis-6:15am. Għadda mobile lis-surġent. Meta ra l-mobile, għarrfu bid-drittijiet tiegħu u morna fejn qalilna li kien joqgħod fi Triq Ġorġ Borg, f’Tas-Sliema.

“Kif dħalna bqjna deħlin sal-kamra ta’ ġewwa, il-vittma kienet b’kutra bajda b’likwidu aħmar fuqha, is-surġent għolla l-liżar, u kien hemm mara bla ħajja, kellha rawa ħiereġ minn ħalqha u polz xejn. Ħriġna ‘l barra u preservajna triq.

Il-każ ikompli f’Mejju li ġej.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kaylie Bonett u Ramon Bonett Sladden mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, u l-Ispetturi Wayne Camilleri u Michael Vella. Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Josè Herrera, Matthew Xuereb u Yanika Bugeja waqt li l-Avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri u Frank Tabone qed jidhru għall-familja tal-vittma.