Internazzjonali Knisja Lokali

Fr. Joe Borg magħżul bħala wieħed mill-esperti internazzjonali dwar l-ambjent diġitali

Fr Joe Borg intgħażel biex ikun wieħed minn tmien esperti internazzjonali li se jservu f’kumitat li tqabbad jistudja l-missjoni tal-Knisja Kattolika fl-ambjent diġitali. Il-missjoni tal-Knisja fl-ambjent diġitali kienet diskussa waqt is-sessjoni tas-Sinodu li saret f’Ottubru li għadda iżda l-Papa Franġisku jrid li dan is-suġġett ikun studjat aktar fil-fond. 

Dan il-kumitat huwa wieħed minn għaxar gruppi ta’ esperti li l-Papa Franġisku ried li jitwaqqfu biex ikunu studjati għaxar suġġetti differenti. F’ittra li kiteb lis-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu l-Kardinal Mario Grech, il-Papa stqarr li għażel dawn l-għaxar suġġetti għax iqishom bħala importanti ħafna u jħoss li jeħtieġu studju fil-fond.

Għalhekk, f’Marzu l-Papa talab lill-Kardinal Grech biex is-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu twaqqaf dawk il-gruppi flimkien mad-dekasteri differenti tal-Kurja Rumana. Il-kumitat li se jistudja dwar il-missjoni tal-Knisja fl-ambjent diġitali se jkun immexxi mid-Dekasteru tal-Komunikazzjoni Soċjali.

Fr Joe Borg ilu attiv fil-qasam tal-media għal kważi ħamsin sena. Huwa għamel snin twal responsabbli mill-bini u t-tmexxija tal-media tal-Knisja f’Malta. Huwa kiteb il-media policy document tal-knisja li jġib l-isem “Il-Wiċċ Diġitali tal-Mulej”.

Fr Joe Borg kien chair tal-Bord Editorjali tal-PBS u kien responsabbli wkoll mit-tfassil tan-National Braodcasting Policy. Mexxa wkoll Campus FM. Huwa kien l-ewwel ġurnalist Malti li ngħata l-Gold Award minħabba l-kontribuzzjoni tiegħu fil-ġurnaliżmu.

Fil-preżent Fr Borg huwa Visiting Senior Lecturer fil-Fakultà tal-Midja u x-Xjenzi tal-Għarfien,  fl-Università ta’ Malta. Huwa ppubblika diversi kotba u papers f’ġurnali akkademiċi. Kien ukoll membru ta’ gruppi lokali u internazzjonali tal-media. Preżentement huwa c-chair tar-Richmond Foundation li hija l-akbar NGO f’Malta li taħdem fil-qasam tas-saħħa mentali.