Lokali

Il-Gvern ikompli jinjora l-ħarsien tal-annimali

Il-Gvern qed jonqos milli jwettaq il-wegħdiet tiegħu stess dwar ir-riforma fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali. Wegħdiet li s’issa baqgħu biss kliem fuq il-manifesti elettorali tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista jinsab imħasseb li dan it-tlajjar tal-Gvern qed ipoġġi l-ħajja tal-annimali dejjem f’riskju akbar.

Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, Alison Bezzina, ukoll esprimiet il-frustrazzjoni tagħha għat-tkaxkir tas-saqajn biex jitwettqu r-riformi li huma tant meħtieġa f’dan is-settur, fosthom it-tfassil ta’ regolamenti għal dawk li jieħdu ħsieb l-annimali, għat-‘trainers’ u l-‘groomers’. Hi qalet li l-annimali m’għandhomx ikunu soġġetti għal dewmien burokratiku u bla bżonn.

Fi stqarrija maħruġa mid-deputat Janice Abela Chetcuti, il-Partit Nazzjonalista fakkar li sal-lum baqa’ ma sar xejn dwar il-wegħda ta’ ‘re-homing centre’ għall-annimali miġbura, kif ukoll li ċ-ċimiterju għall-annimali mwiegħed 11-il sena ilu baqa’ fuq il-karta.

Il-Partit Nazzjonalista jqis ukoll bħala inaċċettabbli li l-Gvern qed ikompli jċaħħad lis-sidien tal-annimali minn servizzi essenzjali, bħal dak tal-isptar għall-annimali f’Ta’ Qali, li ilu magħluq minn Awwissu u li m’hemmx ħjiel ta’ meta se jerġa’ jibda jopera.

Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li, b’mod immedjat, il-Gvern jibda jipprovdi s-servizzi meħtieġa għall-ħarsien tal-annimali f’pajjiżna. Dan billi jżomm mal-wegħdiet tiegħu u mill-kliem jgħaddi għall-azzjoni.