Lokali

Il-Gvern jinsab deċiż li jibqa’ jintaxxa l-għajnuna tal-COLA

Skont il-Ministru Schembri hemm prodotti li raħsu ‘l barra mill-iskema stabbiltà

L-għajnuna tal-għoli tal-ħajja se tkun qed tibqa’ tiġi intaxxata.

Dan ikkonfermah il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri hekk kif it-Tlieta waranofsinhar Net News staqsih għalfejn il-Gvern qed jibqa’ jinsisti li jintaxxa l-għajnuna tal-COLA.

Fix-xhur li għaddew kemm l-unions, flimkien ukoll mal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem u l-Partit Nazzjonalista – appellaw lill-Gvern sabiex jieqaf jintaxxa l-għajnuna tal-COLA fejn ta’ kull ġimgħa l-Gvern qed jieħu mill-bwiet tan-nies €3.50 – għas-somma kumplessiva ta’ €40 miljun fis-sena.

Iżda Schembri qal ċar u tond li d-deċiżjoni ttieħdet; u li  l-Gvern se jħallihom jistennew xi ċekk wara li jkun ħadilhom mill-għajnuna li hi tagħhom bi dritt.

Intant, biex b’xi mod jiprova jilqa’ għall-isfida qawwija tal-għoli tal-ħajja li l-poplu Malti u Għawdxi qed jaffronta matul ix-xahar ta’ Frar…. il-Gvern kien introduċa l-iskema stabbiltà. Madanakollu sfortunatament minn 450 brand ta’ prodott – spikka in-nuqqas ta’ affarijiet essenzjali fosthom ħalib, ħobż, bajd, ħaxix u frott, ikel għall-annimali domestiċi, prodotti tal-iġene, tal-ħasil tal-art u tal-ħwejjeġ, ħrieqi u prodotti essenzjali oħrajn.

Net News staqsa lill-Ministru Schembri jekk din l-iskema hix biżżejjed…bi Schembri jammetti li le.

Filwaqt li stqarr li fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jkun qed iħabbar miżura oħra relatata ma’ dan il-qasam il-Ministru saħaq li grazzi għal din l-iskema….traħsu prodotti oħrajn ‘il barra minnha ;filwaqt li ammetta li l-prezzijiet ċertament ma niżlux għal-livelli tal-2019.

Mistoqsi minn Net News liema huma dawn il-prodotti li qed jirreferi għalihom, qalilna mmorru naraw ix-xirja.

Għaldaqstant il-poplu huwa mħeġġeġ jara liem huma dawn il-prodotti li semma’ l-Ministru …u li fl-aħħar xahar u nofs, skont hu, raw traħħis fil-prezz tagħhom u li mhux inkluż fl-iskema stabbiltà.