Lokali

Il-laqgħat bejn il-UĦM u l-Malta Public Transport jissoktaw fil-preżenza tas-supervisors

Il-Malta Public Transport qed tibqa’ tinsisti li minn naħa tagħha qatt ma ħalliet karozzi tal-linja fit-triq jagħtu servizz għar-riskju tas-sigurtà u saħħet il-pubbliku u x-xufiera tagħha. Dan hekk kif matul il-jum tat-Tnejn il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella flimkien mas-Senior Manager tal-UĦM responsabbli mit-taqsima ta’ Trasport, Kenneth Abela, kellhom laqgħa mal-għola uffiċjali tal-kumpanija.

Dan wara li fis-Sunday Times of Malta, Vella spjega li aktar minn xahrejn ilu l-UĦM kienet ordnat lill-membri tagħha fil-Malta Public Transport jirrifjutaw li jobdu ordnijiet sabiex jiċċertifikaw karozzi tal-linja bħala tajbin għat-triq…meta ma jkunux.

Josef Vella insista li l-ilmenti li rċevew huma kienu jaqblu man-narrattiva ta’ Claudio Cutajar, supervisor fi ħdan il-kumpanija li fetaħ protest ġudizzjarju ffirmat mill-avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta, fejn qal fost oħrajn li ġie mhedded għax ma riedx jagħti l-barka tiegħu biex numru ta’ karozzi jibqgħu jinstaqu fit-triq għaliex dehrlu li ma kienux tajbin biex joffru servizz.

Fil-protest ġudizzjarju ġew preżentati ritratti bħala prova tal-ħsarat f’diversi vetturi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM spjega ma’ Net News li fil-jiem li ġejjin se jkunu qed isiru aktar laqgħat bejn l-union u l-kumpanija tat-trasport pubbliku – fil-preżenza wkoll ta’ supervisors.

Josef Vella stqarr li dan se jkun qed isir bl-intenzjoni li l-affarijiet ikunu aktar ċari għal ġid mhux biss tal-impjegati iżda anke tal-pubbliku; u għaldaqstant jekk hemm xi inċertezzi dawn jiġu solvuti.

Intant, il-kumpanija qed tibqa’ tiċħad l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħha filwaqt li  saħqet li se tkun qed tiddefendi r-reputazzjoni tagħha anke b’azzjonijiet legali.