Lokali

“Il-politika tagħna favur il-ħaddiema” – Bernard Grech

“Il-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jkompli jfassal politika favur il-ħaddiem u għalhekk huwa essenzjali li jinżamm kuntatt u ssir diskussjoni mat-trade unions f’pajjiżna.”

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara li għamel lill-UĦM Voice of the Workers it-Tlieta filgħodu, ftit tal-jiem biss qabel jitfakkar Jum il-Ħaddiem.

Bernard Grech intlaqa’ mill-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella, bid-diskussjoni tiffoka fuq il-piż tal-għoli tal-ħajja li qed jaffettwa kull faxxa tas-soċjetà.

Fil-laqgħa mal-UĦM ġew diskussi numru ta’ temi; fosthom li jkun hemm titjib fil-pagi kif ukoll il-bżonn ta’ azzjoni konkreta bil-għan li tiġi indirizzata l-pjaga tal-għoli tal-ħajja u ż-żieda kostanti fil-prezzijiet ta’ diversi prodotti. Dan apparti li anke ċertu servizzi qed jiżdiedu fil-prezz tagħhom.

Il-PN minn naħa tiegħu ilu xhur sħaħ li ressaq proposti biex is-sitwazzjoni tal-ħaddiema titjieb, u l-familji jibqagħlhom aktar flus fil-but – fosthom bil-proposta li l-COLA ma tiġix intaxxata.

Waqt id-diskussjonijiet li saru, ħareġ ċar illi x-xirja bażika ma’ raħsitx – anzi, jidher l-prezzijiet qed ikomplu jogħlew.

Minn naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers Josef Vella spjega li b’laqgħat bħal dawn il-union ikollha l-opportunità li tagħti l-feedback tagħha bbażat fuq dak li għaddej minnu bħalissa l-ħaddiem Malti.

Għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Jerome Caruana Cilia, Ivan Castillo u l-kandidat tal-PN għall-MEPs David Agius.