Internazzjonali

Iżrael-Iran: Mitluba s-sanzjonijiet rigward il-programm tal-Iran għall-produzzjoni tal-missili

Iżrael qed isejjaħ għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet internazzjonali fir-rigward tal-proġett tal-Iran għall-produzzjoni tal-missili. Dan, skont l-Iżraeljani, għandu jsir bħala ‘pass awtomatiku’ wara l-attakk bla preċedent tal-Iranjani fuq Iżrael li fih kienu sparati ‘il fuq minn 300 missila u drones.

Fl-attakk tas-Sibt bil-lejl, kienu anki sparati xita ta’ missili lejn Iżrael mill-militanti alleati mal-Iran fl-nħawi tal-Iraq, is-Sirja u l-Jemen. Il-parti kbira nett tal-missili kienu newtralizzati mill-Iżraeljani megħjuna mill-qawwiet tal-baħar tal-Istati Uniti u l-ajrupani tal-gwerra tar-Renju Unit f’dak ir-reġjun.

Il-Kabinett tal-Gwerra f’Iżrael, wara li ddiskuta l-iżviluppi, ma żvela xejn dwar x’kapaċi jagħmel ‘il quddiem. Madankollu, l-ogħla Kapijiet tal-militar Iżraeljan għamluha ċara li l-attakk tal-Iran mhux se jgħaddi mingħajr forma ta’ tweġiba.

L-Iran għadu jinsisti li l-attakk tas-Sibt kien ritaljazzjoni għall-azzjoni mill-ajru tal-bidu tax-xahar fuq il-konsulat tiegħu flis-Sirja u li fih inqatlu 13-il persuna – inklużi uffiċjali militari ewlenin tar-reġim f’Tehran. Iżrael ma assumiex ir-responsabbiltà iżda l-Iran baqa’ jinsisti li l-azzjoni tmexxiet ‘fuq id-direttivi tal-Gvern tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu’.

Sadanittant, John Bolton, l-eks konsulent  Amerikan dwar is-sigurtà nazzjonali, qal li Iżrael għandu jwettaq ‘l-akbar mewġa ta’ attakki ċibernetiċi fl-istorja’ fuq il-programm nukleari tal-Iran. Bolton qal li l-uniku mod kif Iżrael jista’ jagħti daqqa ta’ ħarta serja lill-Iran hu b’li jikkaġunalu sitwazzjoni li tħallilu riżultat ferm aktar sproporzjonali għal dak li jrid iwettaq ir-reġim ta’ Tehran.

L-eks konsulent tas-sigurtà, flimkien ma’ uffiċjali oħrajn f’Washington, qalu li ħadd ma għandu jippretendi li Iżrael jaċċetta attakk storiku fuq livell hekk qawwi qisu qatt ma kien xejn. Dan ukoll fost il-kumment li pajjiżi bħall-Istati Uniti u r-Renju Unit żgur li  jagħżlu t-triq għall-azzjoni f’każ li huma jiffaċċjaw theddida simili għal ta’ Iżrael.