Lokali Parlament

Jeħtieġ investiment fl-infrastruttura tat-toroq u fl-aspett diġitali


Paula Mifsud Bonnici, PN


Id-deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici appellat fil-Parlament biex isir l-investiment meħtieġ fl-infrastruttura tat-toroq u fil-bankini fil-lokalitajiet u fl-aspett diġitali.


Paula Mifsud Bonnici qalet li l-poplu ħaqqu kwalità ta’ ħajja aħjar iżda l-isfidi huma kbar. Hi semmiet il-prijoritjiet tal-anzjani u qalet li hemm fatturi li qed jikkontribixxu għal tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja.


Dwar l-aċċess tal-anzjani għad-dinja diġitali, Paula Mifsud Bonnici qalet li madwar id-dinja, hawn iktar minn erba’ biljun persuna li għandhom aċċess għall-internet. Minkejja dan, hawn nofs il-popolazzjoni li m’għandhomx aċċess għall-internet; il-maġġoranza tagħhom huma anzjani.


Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-anzjani jkollhom diffikutajiet minħabba l-aspett diġitali bil-konsegwenza li ħafna anzjani jħossuhom maqtguħa għaliex ma jafux jużaw l-internet. Bħala eżempju, hi semmiet l-aspett finanzjaju u spjegat li qed ikun hemm ħafna abbużi f’dan is-settur.


Paula Mifsud Bonnici sostniet li l-pajjiż għandu l-obbligu tal-inkużjoni diġitali għall-anzjani li tfisser li l-ostaklu tal-aċċess ikunu megħluba. Għalhekk, l-internet għandu tkun b’xejn għall-anzjani u jkun hemm iktar progammi diġitali għall-anzjani.


It-teknoloġija għandha tkun disinjata b’mod li l-anzjani jistgħu jużawha tajjeb. Għandu jkun hemm il-kontrolli meħtieġa kontra r-riskji li jkun hemm, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li appellat ukoll biex ikun hemm l-investiment meħtieġ kontra l-abbużi fuq l-internet fuq l-anzjani.


Paula Mifsud Bonnici qalet li hawn nuqqas ta’ żvilupp sostenibbli fl-infrastruttura għall-anzjani u semmiet id-diffikultajiet li jgħaddu minnhom l-anzjani meta jimxu fuq il-bankini mkissra li hawn fil-lokalitajiet. Hi semmiet dak li seħħ fil-Mosta fejn kien hemm ħafna anzjani li weġġgħu proprju minħabba x-xogħol traskurat li sar fil-pjazza.