Lokali Parlament

Jeħtieġ qbil nazzjonali dwar mudell ekonomiku bbażat fuq il-kwalità


Ivan J.Bartolo, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Ivan.J. Bartolo sostna fil-parlament li jeħtieġ li jinstab qbil nazzjonali dwar mudell ekonomiku bbażat fuq il-kwalità.


Ivan J. Bartolo tkellem dwar id-definizzjoni ta’ żvilupp sostenibbli u qal li fl-aħħar erba snin id-dejn żdied b’€4 biljun u qal li dan se jkompli jiżdied b’€1 biljun kull sena.


Dan mhux se jagħmel l-iżvilupp wieħed sostenibbli, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li ż-żgħażagħ qed jitilqu mill-pajjiż biex ifittxu futur f’pajjiżi differenti. Hu tkellem dwar il-popolazzjoni u qal li llum il-popolazzjoni se tilħaq il-580,000 persuna b’effetti fuq l-infrastruttura u setturi oħra tal-pajjiż.


Dwar il-pensjonjiet, hu qal li l-gvern qed jgħid li se jikkunsidra l-pensjoniiet privati iżda min qed jaqla’ l-paga minima ma jistax jixtri skema ta’ penjoniiet privati. Ir-rata ta’ bejn dawk li jaħdmu u dawk li ma jaħdmux hi ta’ 51% jaħdmu u 49% ma jaħdmux minħabba li hemm 107,000 pensjonat u ammonti ta’ tfal li ma jaħdmux.


Hawn 276,000 persuna taħdem li ammont minnhom ma jħallsux taxxa minħabba li jinsabu taħt il-paga minima. Il-mudell ekonomiku ma jistax ikun ballun politiku u għandu jinbidel għal wieħed ta’ kwalità.
Hu tkellem dwar is-saħħa u qal li hemm ammont ta’ nies li qed jirriżenjaw minn Mater Dei u qal li t-tkabbir tal-ispiża fis-saħħa trid tkun sostnuta.


Dwar l-edukazzjoni hu semma’ l-kundizzjonijiet tal-għalliema u appella biex ikun hemm ir-rikonoxximent meħtieġ lejn din il-vokazzjoni. Hu semma’ t-traffiku u qal li ras għal ras in-nies qed jaħlu siegħa traffiku kuljum li jammontaw għal 276,000 siegħa. Dan minbarra l-impatt fuq l-arja u fuq il-kwalità tas-saħħa.


Ivan J.Bartolo semma’ l-enerġija u qal li l-pajjiż għandu bżonn it-tieni interconnector. Hu appella biex ir-reputazzjoni tal-pajjiż tkun imsaħħa għaliex din hi ferm importanti għall-investiment barrani. Hawn bank f’Malta li ilu erba’ snin jipprova jinbiegħ iżda meta tissemma’ Malta jingħalqu l-bibien; dan minħabba r-reputazzjoni. Is-sena li Malta għamlet fuq il-lista l-griża għamlet ħafna ħsara lill-pajjiż.


Jeħtieġ jistab bilanċ bejn l-ambjent, l-ekonomija u l-aspett soċjali billi jkun hemm prijorità ħolostika. Importanti li tinbidel l-attitudni, sostna Ivan J.Bartolo, li appella biex id-diskussjoni dwar il-mudell ekonomiku ma tkun ridotta għal dibattitu partiġġjan bejn iż-żewġ partiti.


Hu appella biex kulħadd jammetti u jaċċetta li l-mudell ekonomiku għandu jinbidel bi qbil fil-parlament biex jinħolqu 40,000 impjieg.


Malta għandha bżonn terġa’ toħloq lilha nnifisha f’setturi ġodda u għandha bżonn tinvesti f’setturi ekonomiċi ġodda. Dwar il-pensjonijiet id-deputat Nazzjonalista qal li jrid ikun hemm dibattitu matur biex dawn isiru sostenibbli. Id-dejn mhux qed jikber għax qed isiru investimenti ġodda, sostna Ivan J.Bartolo, li kompla li għandhom jibdew diskussjonijiet dwar il-kurrikulum tal-università u tal-MCAST għall-futur.


Il-gvern għandu jagħti inċentiv biex in-nies jużaw iktar roti, appella Ivan J.Bartolo, li kompla li fl-enerġija jrid ikun ikkunsidrat li jeżistu power station li jaħdmu bl-iskart organiku li jinġabar. Hu tkellem dwar l-innovazzjoni u qal li għad m’hawnx diskussjoni biżżejjed fuq l-innovazzjoni artifiċjali.


Id-deputat Nazzjonalista enfażizza l-importanza tal-maturità politika u t-teħid ta’ deċiżjonijiet iebsa, li jkun hemm bidla fl-attitudni favur protezzjoni tas-soċjetà u li jkun hemm bidla lejn mudell ibbażat fuq il-fatti u mhux fuq il-perċezzjoni.