Lokali

Jum ieħor ta’ traffiku b’diversi lokalitajiet imblukkati

Il-Maltin se jifrankaw 5 miljun siegħa fit-toroq kull sena. Hekk kien qal studju kkumissjonat mill-Gvern Laburista fejn bassru kemm se jkun qiegħed jonqos it-traffiku biex tiżdied is-serenità fit-toroq…. la darba jitlestew 7 proġetti maġġuri – Tal-Balal, is-Central Link, Marsa-Ħamrun bypass, Triq Buqana, il-mini ta’ Santa Luċija, il-Marsa Junction u l-proġett ta’ St. Andrew’s.

U hekk kif issa dawn ix-xogħlijiet huma lesti, uħud minnhom wara xhur u oħrajn wara snin – it-traffiku kellu jonqos b’ċifri li sal-lum għadna ma nafux eżattament mnejn u kif waslu għalihom.

L-istudju kien wera li l-impatt ta’ dawn il-proġetti kellhom iħallu madwar 10 minuti ta’ aktar rilassament għas-sewwieqa – filwaqt li kellna niffrankaw €75 fi fuel kull sena.

Madanakollu, illum is-sitwazzjoni hija ferm ‘il bogħod minn dak imbassar – tant li ta’ kuljum diversi sewwieqa qed jispiċċaw jeħlu f’konġestjoni tat-traffiku mhux biss fir-rush hour ta’ filgħodu u kmieni filgħaxija iżda prattikament kull ħin tal-ġurnata; minn x’ħin jisbaħ sa nżul ix-xemx.

Bosta persuni li kkumentaw ma’ Net News saħqu li s-sitwazzjoni qed taqa’ fir-redikolu – hekk kif minkejja l-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro li ntefqu fit-toroq xorta waħda mhux qed jaraw ebda titjib maġġuri.

Dan filwaqt li l-Gvern bħal donnu mhux qed iħares lil’hinn għal trasport tal-massa alternattiv minkejja li ftit tal-ġimgħat qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2022 kien ta’ x’jifhem li mistenni jinvesti fil-Metro.

Madanakollu għajr wegħdi fierħa u nfieq ta’ aktar minn €430,000 f’’pompi u tined….ma ssarraf f’xejn. U l-unika bidla kienet fil-Ministru responsabbli.

Diversi persuni li tkellmu ma’ Net News saħqu li din is-sitwazzjoni qed tiddeġenera – fejn filwaqt li l-popolazzjoni qed tiżdied….b’Malta ssir l-aktar pajjiż b’popolazzjoni densa fl-Ewropa….l-infrastruttura mhux qed tlaħħaq…fost oħrajn tat-traffiku, għad-detriment mhux biss tal-ambjent, iżda anke għall-kura tas-saħħa mentali taċ-ċittadini li uħud minnhom jammettu li anke l-inqas ħsieb li jridu joħorġu għal qadi fit-traffiku qed iqabbadhom l-ansjetà