Basketball Sport

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa: Caffè Moak Luxol u Depiro jkomplu jerbħu

(Ritratt: Elton Sant)

Caffè Moak Luxol…………….62

Hibernians……………………….47

(18-2)(21-15)(18-11)(5-19)

Caffè Moak Luxol għamluhom ħames rebħiet minn ħames partiti kontra Hibernians dan l-istaġun meta fil-partita tar-raba’ round ħarġu rebbieħa 62-47. Il-partita kienet totalment f’idejn il-players ta’ Santino Coppa minkejja li għal ħin twil diversi players żagħżagħ kienu fuq il-court. Hibs għal darb’oħra kienu mingħajr l-Amerikana Lyndsey Whilby u kienet nieqsa wkoll Kaya Calleja. Luxol kienu dominanti fl-ewwel sessjoni fejnħallew lil Hibs fuq basket wieħed biss ta’ Fanni Fabok. Qabel dan il-basket kien hemm 11 -il punt minn Luxol li ġew minn Tayler Bennett u Lisa Fenech Pace. Luxol għamlu seba’ punti oħra minn Sarah Sciberras u Bennet għal skor ta’ 18-2. Fil-ftuħ tat-tieni sessjoni Luxol għamlu sitt punti oħra minn Mandi Mercieca u Benett qabel ma bdew sensiela ta’ sostituzzjonijiet minn Coppa. Hibs bdew jiksbu xi ftit aktar punti fosthom baskets minn Iona Agius u Julija Dabic però Luxol kellhom it-trippli minn Vanya Baldacchino u Bennett għal skor ta’ 39-17.

Wara l-intervall, l-andament tal-partita baqa’ l-istess bil-Luxol jibdew bi break ta’ 10-2 biex kabbru l-vantaġġ għal 30 punt 49-19. Hibs wieġbu permezz ta’ Marie Buhagiar u Fabok għalkemm Luxol żammew vantaġġ stabbli 57-28. Fil-bidu tal-aħħar sessjoni Hibs kellhom l-aħjar mument fil-partita meta għamlu run ta’ 12-0 bi trippli minn Amy Mallia u Jasmine Abela. Luxol waqqfuhom bil-punti ta’ Nolene Vella biex Hibs kellhom aktar punti minn Buhagiar u Eliza Farrugia biex Luxol ħarġu rebbieħa 62-47.

.

Caffè Moak Luxol: T. Bennett 26, M. Mercieca 4, L. Fenech Pace 5, H. Galea, N. Vella 8, E. Abela 7, M. Camilleri, J. Diaby, V. Baldacchino 3, S. Sciberras 6, M. Marmara, A. Fenech Pace 3.

Hibernians: M. Buhagiar 7, E. Farrugia 8, F.Fabok 10, I. Agius 8, J. Abela 3, B. Agius, J. Gauci, A. Mallia 3, J. Dabic 8.

Referees: Nicky Azzopardi, Nelson Da Silva

Depiro……………………………93

Fusion Quest…………………57

(36-16)(23-20)(21-11)(13-20)

Depiro wieġbu għar-rebħa ta’ Luxol meta għelbu lil Fusion Quest 93-57. Minkejja t-telfa, wieħed ta’ min jammira l-progress li finalment qiegħdin juru t-team ta’ Fusion fejn komplew iżidu l-players u jidher li se jibdew isaħħu l-iskwadra għall-istaġun li ġej. Għal Depiro, li kienu mingħajr Nicole Agius u Leanne Sciberras, kienet wirja oħra posittiva fit-triq li qabdu u wara li l-ġimgħa d-dieħla jaffrontaw lil Hibernians, il-konfront tas-27 t’April kontra Starlites JSD jiddetermina l-klassifika finali. Intant Fusion bdew il-partita bi break ta’ 7-2 b’punti minn Nicole Montalvo u Camille Londono. Mal-ħin però Depiro bdew jirkupraw sakemm basket ta’ Kristy Galea poġġijhom fuq quddiem u minn hemm żammew il-vantaġġ sat-tmiem. It-taqsima kompliet bi break ta’ 17-2 minn Depiro b’diversi punti minn Galea, Jose Ann Johnson, Sophie Abela u Julia Borg għal skor ta’ 36-16. Fit-tieni perjodu, Fusion kellhom il-punti ta’ Jaelle Micallef però Depiro komplew b’run ta’ 12-0 b’punti minn Abela, Galea u d-debuttanta Keira Fenech Ishmael biex daħlu jistrieħu 59-26 minn fuq.

Wara l-mistrieħ kien hemm bidu tajjeb minn Fusion meta kellhom trippli minn Londono u Nicole Vella. Ir-risposta ta’ Depiro ġiet minnufih bi break ta’ 14-0 fejn fost l-oħrajn kien hemm il-punti minn Julia Xerri u Claire Ciantar. Londono u Vella reġgħu wieġbu għal Fusion qabel ma Depiro għalqu t-taqsima bl-aħħar baskets minn Galea għal skor ta’ 80-37. Fl-aħħar sessjoni kien hemm fost l-oħrajn break qasir ta’ 8-0 minn Depiro però kienu Fusion li temmew il-partita bl-aħjar mod bi break ta’ 12-2 bi trippla oħra ta’ Vella. L-aħħar basket ta’ Depiro ġie minn Laura Camilleri li fisser li kull player tagħhom niżżlet isimha fost l-iskors għal skor finali ta’ 93-57.

Depiro: S. Abela 10, J. Xerri 11, J. Mallia 2, No. Agius 2, C. Ciantar 11, K. Fenech Ishmael 2, J. Borg 11, J. Johnson 16, M. Micallef 2, N. Borg 2, K. Galea 19, L. Camilleri 2.

Fusion Quest: C. Londono 12, J. Schembri 4, N. Caruana 6, N. Saliba, A. Parnis, J.Micallef 6, N. Halbie 2, N. Vella 17, N. Montalvo 10.

Referees: Bernard Vassallo, Matthias Vassallo Pulis.