Lokali

Konferma akbar tal-ħtieġa ta’ vapur ieħor

Kull min jaqsam bejn il-gżejjer, speċjalment l-Għawdxin, qed ibatu minħabba n-nuqqas ta’ ppjanar tal-Gvern

In-numru ta’ passiġġieri li qed jaqsmu bejn Malta u Għawdex jikkonferma l-bżonn urġenti ta’ vapur ieħor tal-Gozo Channel, kif ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista.

Alex Borg, ix-Shadow Minister għal Għawdex, qal fi stqarrija li l-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti li l-Għawdxin u l-Maltin jixirqilhom vapur ieħor ta’ kwalità, bħalma huma l-MV Malita, l-MV Ta’ Pinu, u l-MV Gaudos.

L-investiment li għamel Gvern Nazzjonalista 22 sena ilu għadu jitgawda sal-lum.

Ix-Shadow Minister għal Għawdex qal li hu ta’ għajb li l-Gvern Laburista, fi 11-il sena, ma kienx kapaċi jinvesti fir-raba’ vapur u minflok qed ikompli jberbaq flus il-poplu fuq il-kiri ta’ vapur tat-tielet klassi, li mhux aċċessibbli u li ma joperax fil-ħinijiet kollha meħtieġa.

Dan in-nuqqas qed iwassal biex min ikun qed jaqsam bejn iż-żewġ gżejjer, speċjalment fi tmiem il-ġimgħa jew fil-festi, qed ikollu jaħli sigħat twal għal vjaġġ li suppost jieħu biss ftit ħin.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern jieqaf jarmi flus il-poplu u minflok jinvestihom b’għaqal. Dan jista’ jsir biss billi jsir l-investiment meħtieġ u jkun hemm vapur ieħor li jaqdi l-ħtiġijiet tal-gżira Għawdxija.