Lokali Qorti

L-akkużi ta’ vjolenza domestika jaqgħu wara li s-sieħba tiegħu waqqgħet il-każ

Il-każ ta’ raġel li tressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ vjolenza domestika waqa’ wara li s-sieħba tiegħu, l-allegata vittma, waqqgħet ir-rapport tagħha biex teħleslu milli jispiċċa l-ħabs. L-akkużat ta’ 49 sena mill-Uganda tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech, akkużat li l-Ħadd weġġa’ ħafif lis-sieħba tiegħu Ġappuniża u kkaġunalha biża’ li kien se jkun vjolenti fil-konfront tagħha fid-dar tagħhom f’Birkirkara.

L-Ispettur tal-Pulizija Colin Sheldon qal lill-Qorti kif l-għassa ta’ Birkirkara rċeviet rapport dwar inċident domestiku matul il-Ħadd 14 ta’ April wara nofsinhar. Uffiċjali li waslu fuq il-post sabu li l-mara kienet diġà qed tiġi kkurata għal ferita minn ħaddiema tal-ambulanza fejn kien ħiereġ id-demm minn rasha , fejn imbagħad ittrasportawha l-isptar.

Is-sieħeb tagħha mbagħad ittieħdet taħt arrest. Iżda meta wasal il-ħin li r-raġel jiġi akkużat, il-mara indirizzat il-qorti b’Ingliż miksur, bl-għajnuna ta’ app tat-traduzzjoni bil-mobile. “Ma rridx nakkużah b’xi ħaġa. Ma rridx li jmur il-ħabs,” hi qalet waqt li spjegat li kienu ilhom koppja flimkien għal seba’ snin.

Il-Maġistrat Grech spjega lill-mara li jekk jitneħħew l-akkużi, ma jistgħux jerġgħu jinħarġu kieku tibdel fehmha. Hi kkonfermat ix-xewqa tagħha li tirtira l-ilment tagħha u kienet deċiżjoni li kienet ħadet hi stess. Il-Qorti, wara li semgħet id-dikjarazzjoni tal-mara, astjeniet milli tieħu aktar għarfien tal-akkużi.

Il-Maġistrat iżda wissa lir-raġel li għalkemm il-qorti kienet iddeċidiet li tilqa’ t-talba tal-mara fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ, il-liġi ma tobbligahiex illi tagħmel dan. “Il-vittma trid tagħtik it-tieni ċans”, qalet il-qorti. “Nittama li dan iservi ta’ lezzjoni u qatt ma jerġa’ jiġri xejn.” Ir-raġel ikkonferma li kien fehem. Għall-akkużat deher l-Avukat Martin Fenech.