Lokali

“L-anzjan jibqa’ prijorità għall-Partit Nazzjonalista” – Bernard Grech

“L-anzjani jibqgħu prijorità għall-Partit Nazzjonalista, u għalhekk se tkompli l-ħidma sabiex l-anzjani jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara li għamel fl-Imperial Home ta’ Tas-Sliema – żjara fejn Bernard Grech kellu merħba mill-isbaħ mill-anzjani preżenti.

Waqt din iż-żjara, Bernard Grech sostna li trid tkompli l-ħidma sabiex il-kisbiet li saru bis-saħħa tal-anzjani ma jkunux għalxejn.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar fl-importanza li fl-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju joħorġu jivvutaw għaliex kull vot huwa importanti fejn hawnhekk huwa tenna li kien bis-saħħa tal-vot tagħhom li pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropa 20 sena ilu.

F’kummenti lil Net News, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-anzjan dejjem kien fiċ-ċentru tal-politika tiegħu u hekk se jibqa’. Apparti minn hekk, huwa fakkar li kien propju Gvern Nazzjonalista li ntroduċa numru ta’ inizjattivi għall-anzjani fosthom l-għajnuna tal-ikel kif ukoll it-telecare. Iżda għad baqa’ xi jsir sabiex l-anzjan ikollu kwalità ta’ ħajja li verament tixraqlu.

Għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mix-Shadow Minister Paula Mifsud Bonnici kif ukoll mis-Sindku ta’ Tas-Sliema John Pillow.