Internazzjonali

L-Awstralja: Jinvestigaw l-attakk f’Sydney bħala ‘terroriżmu relatat mar-reliġjon’

Il-Pulizija fl-Awstraja dikjarat l-attakk,  fil-bidu tal-ġimgħa, fejn Isqof  spiċċa aggredit fi knisja waqt il-ħin tal-quddies bħala azzjoni motivata minn ‘terroriżmu relatat mar-reliġjon’.

Fl-attakk, fil-belt ta’ Sydney, l-Isqof Mar Mari Emmanuel qala’ daqqiet ta’ sikkina mingħand ġuvni ta’ sittax-il sena li fil-preżent qed jinżamm taħt arrest. Intant, spiċċaw midruba wkoll qassis u talanqas erba’ nies oħra preżenti għall-quddies fil-Knisja tal-Bon Pastur għall-Ortodossi Assirjani.

L-aggressur ukoll weġġa’ fl-attakk waqt li l-awtoritajiet, fl-aħħar sigħat, qalu li ħadd fost il-midruba ma kien fil-periklu tal-mewt.

L-inċident xokkanti nqabad fuq filmat livestream waqt il-ħin tal-quddiesa u bl-aħbar iqajjem mewġa ta’ inkwiet fl-inħawi ta’ Wakeley – is-subborg ta’ Sydney u s-sit tal-Knisja inkwistjoni.

L-attakk, intant, qanqal sens ta’ dieqa u biża’ fost il-komunitajiet kollha tal-Awstralja, bil-Prim Ministru Anthony Albanese ilaqqa’ b’urġenza lill-aġenziji responsabbli mis-sigurtà nazzjonali fost kumment li l-azzjoni ‘qed tqanqal tħassib kbir fuq bażi nazzjonali’.

Il-Pulizija Awstraljana jirreferu għall-azzjonijiet tipiċi motivati minn xi ideoloġija bħala terroriżmu u bl-investigazzjonijiet attwali qegħdin juru li l-attakk fil-knisja kien każ ċar ta’ ‘estremiżmu xprunat minn fanatiżmu reliġjuż’.

Madankollu, l-awtoritajiet f’Sydney, baqgħu jirrifjutaw li jikkonfermaw it-twemmin reliġjuż tal-aggressur li ftit ingħataw dettalji dwar il-profil tiegħu.

Intant, l-Isqof Emmanuel hu personalità reliġjuża popolari kif ukoll kontroversjali u li d-diskorsi tiegħu huma segwiti mill-miljuni tan-nies fuq il-mezzi tal-media soċjali.

U malli l-filmati grafiċi tal-attakk bdew jiċċirkulaw online ftit wara t-terrur, folla ta’ nies irrabjati nġemgħet fiz-zona tal-Knisja Ortodossa li tinsab xi 40 kilometru lejn il-lbiċ miċ-ċentru ta’ Sydney.

Waqt li t-tensjoni fl-inħawi kienet  laħqet livell akut, mijiet ta’ nies ikkonfrontaw lill-pulizija fost il-vjolenza u espressjonijiet oħra ta’ għadab. Dan meta uħud fost il-folol insistew biex il-pulizija ‘tgħaddilhom’ lis-suspettat assoċjat mal-attakk u li dak il-ħin kien qed jinżamm taħt arrest fil-knisja.

F’dawn il-konfronti weġġgħu numru ta’ pulizija waqt li l-folol qerdu talanqas għaxar vetturi tal-uffiċjali tal-liġi. Il-vjolenza fl-inħawi tal-knisja damet għaddejja mhux ħażin u meta matulha l-gruppi tal-paramediċi li kienu marru fil-knisja biex jattendu lill-midruba spiċċaw ‘priġuniera tas-sitwazzjoni’ —  fejn kellhom jibqgħu magħluqin ġewwa għas-sigurtà tagħhom għal aktar minn tlett sigħat.