“Fil-Fgura hemm bżonn bidla fis-serjetà”.
Dan iddikjarah l-Eks Sindku Laburista Darren Marmara li reġa’ qed jikkontesta f’isem il-Labour sabiex jieħu mill-ġdid f’idejh it-tmexxija tal-Kunsill tal-Fgura. Tant li fl-aħħar jiem, deher iqassam il-figolli biex jiġbed mill-ġdid is-simpatija tan-nies.
Permezz ta’ video fuq il-media soċjali, Marmara uża lill-propagandista Karl Stagno Navarra biex iwassal il-messaġġ tiegħu. Kien hawn li, bla tlaqliq, ħa pożizzjoni ċara kontra l-Kunsill preżenti – li għandu maġġoranza Laburista. Marmara appella lin-nies għal bidla.
Is-Sindku tal-Fgura Pierre Dalli mhux se jerġa’ jikkontesta. Postu, irid jieħdu Clayton Portelli Cascun, li preżentament huwa Viċi Sindku.
Fil-fatt, Cascun u Marmara mhux jaraw għajn m’għajn. Ħafna Laburisti fil-Fgura qed isemmu l-fatt li l-Eks Sindku ma ħaqqux il-fiduċja wara l-bawxata li daħal fiha fl-2010 meta kellu jirriżenja.
Dan iż-żmien, it-tensjoni fil-Labour tant kienet eskalat li l-kunsillieri Laburisti stess kienu saħansitra ressqu mozzjoni ta’ sfiduċja fis-Sindku. L-akkuża kontra Marmara – dejjem skont ir-rapporti – jidher li kienet marbuta ma’ tender għal xogħol ta’ tarmac illi laħħaq it-€80,000. Għalkemm il-fatti, sal-lum, qatt ma saru magħrufa.
//= $special ?>