Ewropa Kunsilli Lokali Lokali

Tkompli tirranka l-ħidma għall-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li ġej

“L-MEP’s u l-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista se jkunu hemm għaċ-ċittadin u mhux għall-gwadan tal-partit. Dik hi d-differenza bejn iż-żewġ partiti fost affarijiet oħra.

“Il-kampanja elettorali tal-PN se tiftaħ nhar l-Erbgħa, l-1 ta’ Mejju fi Ġnien l-Għarusa tal-Mosta fejn f’dawk li għandhom x’jaqsmu l-elezzjonijijiet tal-MEP’s se nkunu qed niċċelebraw l-20 sena anniversarja bħala membri tal-Unjoni Ewropea fejn se nagħżluil-Parlamentari tagħhna”.

Dan it-tagħrif ingħata minn Michael Piccinino, Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, waqt il-programm ta’ Dione Borg fuq NET FM, it-Tlieta wara nofsinhar.

Mistoqsi mill-preżentatur Dione Borg, Piccinino qal li l-votanti għandhom jagħżlu l-persunu li jixirqilhom u fejn jidħlu l-kunsilli lokali għandhom jivvutaw għal persuni leali lejn il-lokalità tagħhom u mhux xogħolhom biss biex jiddefendu lill-Gvern.

Meta kunsilliera Laburista ddeffendew liċ-ċittadin u ma qagħdux ma dak li qalilhom l-PL, dawn spiċċaw li kellhom jitilqu. Il-PN mhux indħil irid imma kunsilliera li jaħdmu għal ġid taċ-ċittadin.

Dwar l-UE qal li l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola hi Maltija u kburin li tirrappreżenta lill-PN. L-MEP David Casa, minn naħa tiegħu, ġab id-Direttiva tal-‘work life balance’ u għal persuni b’diżabbità. “Bi tnejn aa x’irnexxielu jagħmel il-PN, aħseb u ara bi tlieta x’jagħmel”, qal is-Segretarju Ġenerali tal-PN.

Sostna li jekk naħdmu hemm ċans tajjeb li fil-kunsilli lokali għandha nnaqqsu d-distakk. Dwar l-obbligi tal-kunsillieri, minkejja li dawn joħorġu taħt il-kappa tal-partit, se jkunu huma li jiddeċiedu x’inhu l-aħjar għal ġid taċ-ċittadin.

Piccinino qal li Karl Gouder huwa l-Campaign Manager ta’ dawn l-elezzjonijiet wara s-suċċess fit-tmexxija tiegħu għal NET TV u NET FM li żied ħafna udejnzi u li għandu wkoll esperjenza bħala eks kunsillier.

Qal ukoll li l-Kap tal-PN Bernard Grech talab lid-deputat Chris Said biex jikkonċentra fuq il-Kunsilli li jridu jintrebħu f’Malta, filwaqt li talab lid-deputat Alex Borg jikkoordina l-kumitat reġjonali ta’ Għawdex. Dawn se jkunu qed jassistu lil Karl Gouder fil-ħidma tiegħu.