Ewropa Lokali

Peter Agius jikteb lill-Kumissarju Ewropew Ivanova u jitlob aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ Maltin

“Hemm bżonn li niftħu il-bibien tal-opportunitajiet Ewropej beraħ għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Fl-aħħar snin għint diversi żgħażagħ Maltin biex jibbenefikaw mill-esperjenzi li toffri l-Unjoni Ewropea. Se nkompli nimbotta biex aktar żgħażagħ u studenti jgawdu mill-opportunitajiet Ewropej. Dan hu l-impenn tiegħi jekk niġi elett fil-Parlament Ewropew.”

Qal dan il-Kandidat Peter Agius wara li llum bagħat ittra lill-Kummissarju Ewropew għaż-żgħażagħ Iliana Ivanova f’isem iż-żgħażagħ Maltin li tkellmu miegħu fl-aħħar ġimghat. Fl-ittra Agius jitlob lill Kummissjoni Ewropea tbiddel il-kriterji li bihom tagħżel in-numru ta’ żgħażagħ li jipparteċipaw fil-programm DiscoverEU. Dan għax Peter Agius irid li aktar żgħażagħ Maltin jkunu jistgħu jipparteċipaw fi programmi ta’ edukazzjoni u safar bla ħlas madwar l-Ewropa.

Peter Agius jispjega kif il-Kummissjoni Ewropea qed tagħżel numru ta’ żgħażagħ għal kull pajjiż skont id-daqs tal-popolazzjoni, però Agius ma jaqbilx.

“Fit-trattati tal-Unjoni Ewropea nsibu l-prinċipju tal-proporzjonalità digressiva li jagħti l-possibilità lil stati żgħar bħal Malta li jkollhom 6 membri tal-Parlament Ewropew, biex jippermetti livell minimu ta’ rappreżentazzjoni. Nemmen li anke fejn jidħlu programmi tal-Erasmus+ li jinkludi azzjonijiet bħal DiscoverEU, għandna nassiguraw minimu ta’ opportunitajiet għal Malta lil hinn mill-popolazzjoni ta’ pajjiżna. Ma nistgħux naċċettaw li Malta tibgħat biss 40 żagħżugħ fuq il-programm DiscoverEU meta applikaw qrib l-400. Dan hu neċessarju biex nindirizzaw in-nuqqas ta’ opportunitajiet għaż-żgħażagħ li qed joħroġ mis-surveys xjentifiċi li saru fost iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.”

Id-DiscoverEU hu parti mill-programm Erasmus+ li jagħti lil żgħażagħ ta’ 18-il sena l-opportunità biex jivvjaġġaw madwar l-Ewropa u jitgħallmu dwar kulturi oħra u dwar l-Ewropa. Jistgħu japplikaw studenti li jkunu qeghdin sixth form, l-Università, l-MCAST, f’xi volontarjat jew gap year.

Fl-aħħar żewġ applikazzjonijiet applikaw xejn anqas minn 366 żagħżugħ/a minn Malta f’Ottubru u 272 f’Marzu però fiż-żewġ każijiet intgħażlu biss madwar 40 minn dawn. Bil-mekkaniżmu ta’ proporzjonalita digressiva propost lill-Kummissarju Ivanova minn Peter Agius, l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin jogħla għal 300 ma kull sejħa li ssir u b’hekk aktar applikanti jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn l-esperjenzi.

“Nemmen li fil-programmi taż-żgħażagħ, l-Unjoni Ewropea għanda tqis l-iżvantaġġi tal-insularità fuq il-poplu u tgħin sabiex il-Maltin u l-popolazzjonijiet oħra ġejjin minn gżejjer ikunu aġevolati ftit aktar biex jaċċessaw l-opportunitajiet Ewropej. Dan ikun konformi mal-istess Trattati tal-UE li jgħidu li l-gżejjer iridu jkunu favoriti b’politika apposta għalihom.” Qal Peter Agius li kien imexxi Dar l-Ewropa f’Malta u li llum jaħdem fil-Parlament Ewropew. Peter Agius żied li jrid juża l-għoxrin sena esperjenza li għandu fi ħdan l-istituzzjonijiet biex jikseb riżultati konkreti għal pajjiżna.