Lokali Qorti

Tmien snin ħabs fuq importazzjoni ta’ kokaina f’Malta: Kien diġa’ għamilha darbtejn oħra

Olandiż ta’ 65 sena ġie kundannat tmien snin ħabs wara li ammetta minflok għadda ġuri li assoċja ruħu ma’ persuni oħra biex tiġi mportata f’Malta d-droga kokaina. Alphonsus Romeo Emanuels instab ħati wkoll b’importazzjoni u l-pussess tad-droga li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. 

Huwa kien ngħata s-somma ta’ elf ewro biex idaħħal id-droga f’Malta fejn kien inqabad wara li wasal minn Brussel. Madankollu huwa kien ammetta mal-Pulizija li kien daħħal id-droga f’Malta f’żewġ okkażjonijiet oħra u ma nqabadx. Id-darba ta’ meta nqabad kienet it-tielet waħda f’temp ta’ erba’ xhur.

Il-każ imur lura għas-6 ta’ Jannar ta’ sentejn ilu. Mill-provi ħareġ li waqt li Alphonsus Romeo Emanuels kien qiegħed Rotterdam, l-Olanda kien ġie avviċinat minn persuna li offrietlu l-flus sabiex idaħħal Malta d-droga kokaina. 

Hu aċċetta l-proposta u b’hekk sar parti minn ftehim dwar kif din id-droga kellha tidħol Malta u wara ttraffikata. Ħareġ li skont dan il-ftehim, l-Olandiż kellu jdaħħal hawn Malta l-kokaina fl-ammont ta’ 275 gramma, li kellha tkun imqassma fi 18-il kapsula. Ta’ dan kollu huwa kien se jitħallas €1,000. 

Skont l-istess pjan, l-akkużat kellu jiltaqa’ ma’ din il-persuna f’Amsterdam sabiex jgħaddilu l-imsemmija kapsuli u jdaħħalhom fil-kavità anali tiegħu. Bħala parti minn dan il-pjan, din il-persuna kellha twassal lill-akkużat sal-ajruport fi Brussell, il-Belġju, sabiex minn hemm jaqbad titjira diretta għal Malta.

Mal-wasla tiegħu f’pajjiżna, l-akkużat kellu jċempel lil din il-persuna li għaddietlu d-droga sabiex tibagħtlu lil xi ħadd bil-karozza l-ajruport internazzjonali ta’ Malta. Minn hemm, l-akkużat kellu jittieħed f’post sabiex joħroġ dawn il-kapsuli bid-droga mill-warrani tiegħu.

Il-ftehim kien jipprovdi li l-akkużat kellu jagħmel kuntatt ma’ xi persuna li kellha tagħmillu sinjal sabiex huwa jgħaddilha l-imsemmija kapsuli u mbagħad din l-istess persuna kellha tgħaddilu l-€1,000 fi flus kontanti. 

Madanakollu, mal-wasla tiegħu f’pajjiżna, l-Olandiż sab jistennewh xi uffiċjali tal-pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u dan minħabba informazzjoni kunfidenzjali li kienu rċevew, li hu kien se jdaħħal id-droga f’Malta. Huwa kien arrestat mill-ewwel fuq suspett li kien qed iġorr id-droga.

Sussegwentement, ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei fejn hemmhekk sarulu CT Scan u X-Ray. Minn dawn it-testijiet irriżulta li l-akkużat kien qed iġorr fl-intern tiegħu 18-il kapsula. Fil-fatt, huwa nżamm fl-imsemmi sptar fil-preżenza tal-pulizija fejn eventwalment ħareġ dawn il-kapsuli mill-warrani tiegħu, liema kapsuli kienu jikkontjenu sustanza ta’ lewn abjad suspettata droga kokaina. 

Minn eżamijiet ulterjuri li saru minn espert forensiku maħtur mill-Qorti rriżulta li din is-sustanza kienet kokaina b’piż ta’ 275.67 grammi b’purità medja ta’ 33% u b’valur fis-suq stmat fl-ammont ta’ €17,643. L-għada, fis-7 ta’ Jannar 2022, l-akkużat irrilaxxa stqarrija lill-Pulizija fejn stqarr li din ma kinitx l-ewwel darba li assoċja ruħu ma’ persuni oħra sabiex tiġi importata d-droga kokaina hawn Malta.

L-akkużat stqarr mal-Pulizija illi din il-biċċa xogħol kien diġà għamilha darbtejn oħra qabel. Tenna li l-ewwel darba li kien ftiehem biex jimporta l-kokaina hawn Malta kien f’Ottubru tal-2021, liema ftehim kien sar mal-istess persuna li avviċinatu sabiex jimporta dawn l-imsemmija 18-il kapsula. 

Skont dak il-ftehim, l-akkużat kien aċċetta li jimporta l-kokaina f’ammont simili għal dak li importa f’Jannar tal-2022 u ta’ dik il-biċċa xogħol kien ftiehem li kellu jitħallas is-somma ta’ €1,000 fi flus kontanti.  Stqarr ukoll li t-tieni darba li ftehim biex idaħħal id-droga f’Malta kien f’Diċembru tal-2021, iżda dik id-darba l-ammont ta’ droga li ftiehem li jimporta kien dak ta’ 400 gramma u ta’ dan kellu jitħallas €1,600.

Għalhekk ammetta li f’temp ta’ erba’ xhur kien hemm tliet okkażjonijiet fejn assoċja ruħu ma’ persuni oħra sabiex tiġi importata hawn Malta d-droga kokaina għal skopijiet ta’ traffikar, bl-ammont totali tad-droga kien dak ta’ 951.34 grammi. 

Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera semgħet kif id-Difiża u l-Prosekuzzjoni qablu fir-rigward tal-piena li kellha tingħata lill-akkużat. Rat ukoll il-ġurisprudenza lokali kif ukoll dik ta’ barra minn xtutna firrigward tal-piena inflitta meta persuna tagħmel ammissjoni bikrija. 

Il-Qorti qalet li tħoss li f’dan il-każ partikolari kellha taderixxi għat-talba konġunta magħmula f’Marzu tal-2022 u kkundannat lill-ħati għal piena ta’ tmien snin priġunerija effettiva flimkien ma’ multa ta’ €20,000 li jekk ma titħallasx fil-ħin tiġi konvertita f’sena priġunerija oħra. Huwa kien ordnat ukoll sabiex iħallas is-somma ta’ €1,688 fi spejjeż tal-Qorti.