Lokali Qorti

In-nies ta’ Silvio Grixti kienu jiġbru l-flus mingħand nies li ħadu l-benefiċċji b’mod frawdolenti

Dawk li qed jiġi akkużati flimkien mal-Eks Deputat Laburista Silvio Grixti dwar ir-racket fil-benefiċċji soċjali u li huma ħbieb tiegħu, kienu jitolbu s-somma ta’ €5,000 ta’ dawk li kienu jieħdu l-benefiċċji soċjali b’mod frawdolenti.

Irriżulta wkoll wara diversi mistoqsijiet li saru mill-Avukat Jason Azzopardi lil Grazio Barbara, Direttur Ġenerali fid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali, li kienu jsiru ‘reconsiderations’ ta’ rifjut minn medical board u dan kontra l-liġi bil-Maġistrat iċċanfar lill-istess Direttur, li kellu jammetti waqt l-kontro eżami u li kien Marc Calleja li kien u għadu r-‘right hand man’ tal-Ministru Michael Falzon, li kien jordna r- ‘reconsiderations’.

Il-Pulizija waslet għal dan meta tkellment ma’ diversi persuni li qalulhom li kienu jintalbu din is-somma wara li t-talba tagħhom tkun approvata. Il-Pulizija nnotat ukoll li meta l-persuni kienu jirċievu l-ewwel ħlas għat-taparsi diżabbiltà severa li kienu jbatu minnha, kienu jiġbdu s-somma u jgħaddu lil dawk imsejħa aġenti ta’ Silvio Grixti biex jtħallsu talli rranġawlhom biex jieħdu l-benefiċċji b’mod frawdolenti,

L-ewwel pagamanet kien ikun wieħed sostanzjali minħabba li l-benefiċċjarji kienu jiħduh b’lura u għalhekk kien jintuża biex iħallsu tal-pjaċir li kienu ngħataw. Sadanittant, kien hemm ukoll persuni li ħadu l-benefiċċji minkejja li l-ewwel darba ġew rifjutati, iżda li wara kien isir re-assessment u l-benefiċċji ġew approvati u anke b’saħansitra telefonati.

Dan irriżulta fil-Qorti meta quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello kompliet il-kumpilazzjoni kontra Silvio Grixti, tabib tal-familja ta’ 49 sena miż-Żejtun, li qed jiġi mixli li kien jifforma parti minn grupp kriminali li wettaq frodi, li ffalsifika dokumenti, għamel dikjarazzjonijiet foloz, ħasil ta’ flus u li xtara proprjetà meta kien jaf li kienet ġejja minn attività kriminali. Il-prosekuzzjoni qed titlob lill-Qorti biex jittieħdlu wkoll il-warrant ta’ tabib.

Mat-tabib Silvio Grixti qed jiġu mixlija wkoll Dustin Caruana ta’ 36 sena minn Marsascala, Manuel ta’ 69 sena, Luke Saliba ta’ 33 sena u Roger Agius ta’ 45 sena minn San Ġiljan li joqgħod Birżebbuġa, li fost oħrajn jinsabu mixlija b’ħasil ta’ flus, frodi u organizzazzjoni kriminali. L-akkużati kollha wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom. 

Allegatament dawn huma l-persuni li kienu aġenti ta’ Silvio Grixti u li kienu jagħmlu flus tajba minn dan ir-racket. Fil-kumpilazzjoni li ħadet aktar minn erba’ sigħat, xehdu diversi persuni li tefgħu dawl ta’ kif kienu qed jitmexxew l-affarijiet fejn l-Ispettur Shaun Friggieri permezz ta’ ‘power point presentation’ spjega kif  l-investigazzjoni ħadet daqstant fit-tul u qal ukoll li minn chats fuq WhatsApp ħareġ kif l-akkużati u persuni oħra kienu jikkollaboraw flimkien.

Tenna li kien hemm persuni, li diġà tressqu l-Qorti u ammettew li ħadu benefiċċju b’mod irregolari li għall-ewwel bdew isemmu persuni oħra li għenuhom biex jieħdu l-benefiċċji, u rriżultaw li dawn il-persuni kienu mejta. Wara, iżda, kien hemm min tkellem fuq dak li kienet waslet għalih il-Pulizija.

L-Ispettur Friggieri qal li fil-bidu ta’ Ottubru tal-2021 kien waslu erba’ files, kaxxa minnhom kienet għal dawk li kienu qed jieħdu l-benefiċċji, kaxxa oħra ta’ tobba, b’kollox 16-il tabib li kienu fuq il-laptop ta’ Grixti, kien hemm ukoll kaxxa file relatata mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, u kaxxa oħra files oriġinali relatata ma’ Transport Malta li dawn daħlu fiha peress li suppost ammont ta’ persuni li ħadu l-benefiċċju ma setgħux isuqu l-karozza fejn suppost kellha tittieħed il-liċenzja.

Tenna li ta’ Transport Malta (TM) kienu qalulhom li ċertu ċertifikati kienu b’format differenti u jidher li kien foloz. Dawn kienu applikaw li hekk imsejjaħ benefiċċju tas-Severe Disability Allownace. Din l-iskema kienet offruta wkoll online.

Ix-xhud qal li kien hemm persuni li tressqu l-Qorti li qalu lill-Pulizija li kienu jirranġaw kollox f’bar ġewwa Ħal Tarxien. Semma’ wkoll lid-diversi tobba u speċjalisti li daħlu fil-kredu mingħajr ma kienu jafu lill-pazjenti.

Xehed ukoll Grazio Barbara, Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, fejn qal li hemm pool ta’ tobba li jaraw lil dawk li japplikaw għal benefiċċji. Tliet tobba taslilhom l-applikazzjoni u l-Bord imbgħad ikun kompost minn żewġ tobba oħra flimkien ma’ wieħed minn dawk li jkunu raw iċ-ċertifikati.

Tenna li l-Bord jiltaqa’ Santa Venera fil-preżent, iżda qabel, jiġifieri fl-2015 kien jiltaqa’ Mater Dei. Qal li jekk persuna ma tkunx tista’ tmur minħabba problemi ta’ saħħa, it-tobba jmorru d-dar jew anke l-isptar, jekk ikun rikoverat hemm.

L-Avukat Franco Debono staqsa kif apparti ċ-ċertifikati kienu jagħmlu analiżi tal-persuni, u kif jaslu għall-opinjoni. Ix-xhud qal li kienu jagħtuha fuq dak li jipprovdilhom il-pazjent u anke jitolbuhom ċertifikati tal-ispeċjalisti.

“Kienu jitolbu biex l-ispeċjalist li joħroġ iċ-ċertifikat imur quddiemhom?” staqsa l-Avukat Debono. Hawn ix-xhud qal li ma jafx, imma ma jeskludix li ġieli ġara hekk. Min-naħa tiegħu, l-Avukat Difensur Jason Azzopardi, li qed jidher għal Roger Agius, staqsa kif jintgħażlu l-pool ta’ tobba li kienu jaraw lill-pazjenti.

Għall-ewwel, Barbara qal li ma jafx u kkonferma li s-Segretarju Permanenti jiġi fuqu, iżda wara qal li dawn jintgħażlu mill-Ministeru. “Ma tafx li mill-2017 it-tobba kienu jintagħżlu mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru? Sa fejn naf jien min-naħa tal-Ministru, wieġeb ix-xhud.

Mistoqsi jekk id-deċiżjoni mill-Bord Mediku hijiex finali, ix-xhud wieġeb li iva, u qal li ma hemm l-ebda appell fid-deċiżjoni tal-Bord Mediku. Hawn l-Avukat Azzopardi staqsa lix-xhud jekk hux minnu li ġieli kien ikun hemm rikonsiderazzjoni tad-deċiżjoni jekk tkun fin-negattiv?

Person of trust tal-Ministru Michael Falzon jordna lill-Bord biex persuni jirċievu l-benefiċċji li ma ħaqqhomx

“Mhux ir-remit tiegħi imma kien hemm” wieġeb Barbara. “Imma int m’għidtx hekk”, qaltlu l-Qorti. Hawn l-Avukat Jason Azzopardi talab lill-Qorti biex toqgħod attenta minħabba li jista’ jinkrimina ruħu b’dak li jgħid, bil-Qorti twissih dwar dan.

L-Avukat Jason Azzopardi staqsa jekk ċertu Mark Calleja, person of trust tal-Ministru Michael Falzon magħruf bħala “Gulija”, kienx jordna jsirux ‘re-considerations’ għal dawk li ma kinux jgħaddu mit-test biex jieħdu l-benefiċċji u kien ukoll jibgħat ‘screen shot’ minn fuq il-mobile re u jordna lill-Bord u li min ma jkunx għadda jispiċċa biex jgħaddi, u jieħu l-benefiċċji. Ix-xhud qal li ma jafx dwar dan.

Ix-xhud qal ukoll li fi żmien il-Covid kienet issir telefonata mill-Income Support dwar il-benefiċċji u waqt ir-restrizzjonijiet ma kienx ikun hemm home visits. “Vera li mijiet ta’ nies li ma kienx ħaqqhom jgħaddu ma kinux idumu quddiem il-Bord aktar minn tliet minuti u jgħaddu”, staqsa l-Avukat Azzopardi.

L-Avukat qal ukoll li rapport li ħareġ f’Marzu jgħid li t-tobba ma kellhomx tort dwar dan kollu għax kienu jistrieħu fuq iċ-ċertifikat mediku ppreżentat lilhom. Dan ħareġ minn Bord maħtur mill-Eks Imħallef Antonio Mizzi fuq dak kollu li seħħ.

L-avukat Azzopardi staqsa lix-xhud: X’passi ttieħdu li ċ-ċertikat mediku ta’ mara li kienet bla idejn, imma quddiem il-Bord din kienet normali b’żewġ idejn u daħlet għat-test? Hawn il-Qorti waqqfet lix-xhud, bl-Avukat jgħid li fl-iżabarra messu jkun hemm persuni oħra wkoll. Fuq mistoqsija oħra, Barabara qal li sa ma sar l-ebda rapport fuq it-tobba tal-Bord, imma qed jiġi kkunsidrat li jistgħu jittieħdu.

Xehdet ukoll is-Surġent Diane Bonello Cassar, li qalet li l-Pulizija arrestaw lil Frank Farrugia u staqsewh fuq tliet ċertifikati li allegatament kienu foloz. Mal-Pulizija, Farrugia qal li ċ-ċertifikati gew iffalsifikati mit-tabib Silvio Grixti. 

L-ispettur kompliet tgħid li l-għada tal-arrest, il-Pulizija bdiet investigazzjoni fejn sabet madwar 233 persuna li allegatament kienu qed jieħdu benefiċċji soċjali, permezz ta’ ċertifikati foloz.  Hi kompliet tgħid li l-Pulizija tkellmet ma’ xi wħud mit-tobba li isimhom kien imniżżel fuq iċ-ċertifikati, b’dawn tal-aħħar jgħidu li ċ-ċertifikati ma sarux minnhom, li ma jafux il-persuni taċ-ċertifikati jew li l-kundizzjoni mniżżla ma tagħmilx sens. 

Is-Surġent Diane Bonello Cassar qalet li filgħodu arrestaw lil Frank Farrugia, li kien qed jiġi investigat fuq ċertifikati li ppreżenta li allegatament kienu foloz. Ħadulu stqarrija u meta ġie mistoqsi min għamlu, qal li kien Grixti. Kien konsistenti fil-verżjoni tiegħu. Hawn intalab mandat ta’ arrest fil-konfront tat-tabib.

Grixti ġie infurmat li se ssir tfittxija fl-uffiċċju tiegħu fil-bypass ta’ Ħal Għaxaq. Dan sar fil-preżenza tal-Avukat Marion Camilleri u uffiċjali tas-cyber crime. Ġie elevat laptop u mobile. Saret tfittxija oħra fl- ispiżerija Gerada Pharmacy, fiż-Żejtun, oħra f’uffiċċju ieħor f’Marsaxalokk, u oħra fir-residenza tiegħu ż- Żejtun.

Kien hemm min kien qed jieħu aktar minn benefiċċju soċjali wieħed

Hu ma wieġeb għall-ebda domanda u sar konfront ma’ Frankie Farrugia. Fl-investigazzjoni ħareġ li kien hemm ħafna nies u tobba fiċ-ċertifkati, li ddeċidew li kull persuna tiġi numerata bl-ammont finali tkun ta’ 233. Madankollu ċertifkati kien aktar minn hekk.

Fis-16 ta’ Diċembru, il-police files kienu kollha lesti. Bdew jivverifkaw jekk il-persuni kinux qed jieħdu l-benefiċċji soċjali u wara skoprew li kien hemm min kien qed jieħu aktar minn benefiċċju wieħed. Talbet lil George Cremona, Direttur għall-Informazzjoni fi ħdan is-Servizzi Soċjali, u marru għandu l-Belt.

Fost ix-xhieda, l-Ispettur Sammut mis-Cyber Crime Unit, li kien inkarigat jippreserva l-mobile ta’ Grixti, qal li ma jiftakarx jekk poggihx ġo borża tal-evidenza jew ġo envelope meta ġabar l-istess mobile dakinhar tal-arrest ta’ Grixti. Huwa qal li l-prassi huma li dan għandu jiġi ppreservat go ‘evidence bag’ sabiex l-evidenza tinżamm aktar sigurà, madanakollu qal li għadda wisq żmien biex jiftakar fejn poġġieh.

L-Avukati Micheal Sciriha, Lucio Sciriha u Roberto Spiteri qed jidhru għal Caruana u Spagnol. L-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta qed jidhru għal Agius, filwaqt li l-Avukati Arthur Azzopardi u Franco Debono qed jidhru għat-Tabib Grixti. Għal Saliba qed jidhru l-Avukati Josè Herrera u Matthew Xuereb.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Abigail Caruana Vella u Charmaine Abdilla mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispetturi Andy Rotin, Wayne Borg u Shaun Friggieri. Għad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qed tidher l-Avukat Anita Giordimaina.

Il-kumpilazzjoni se tkompli fit-23 ta’ April fl-10.30am.