Lokali

Aktar skandli fi ħdan Transport Malta – PN

Skandlu wara l-ieħor qed jifni lil Transport Malta, b’mod specjali fis-settur Marittimu.

Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja, Ivan Castill; ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi, Darren Carabott; u x-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà, Mark Anthony Sammut; qal li huwa diġà talab investigazzjoni dwar it-tender tar-RHIBS li mhumiex tajbin għall-baħar u sal-lum huma miżmumin f’shed ta’ Transport Malta, kif ukoll dwar l-isfurzar tal-Uffiċjali tal-Infurzar Marittimu biex jigdbu taħt ġurament u dwar ir-racket tal-kontravenzjonijiet, fejn 59% tal-biljetti ntilfu fl-2021 u informazzjoni li għandu l-Partit Nazzjonalista hi li dan kien saħansitra żdied fl-2022 u fl-2023.

Issa ħareġ skandlu ġdid, bl-Uffiċjali ta’ Transport Malta involuti f’racket tal-fuel, fejn tħallas fuel minn Transport Malta għall-użu personali.

Skandlu ieħor jinvolvi l-irmiġġ ta’ bastimenti qrib l-AUM, li hi responsabbli li tagħti rendikont lil Transport Malta għall-attività ta’ “berthing”, iżda qatt ma għamlet dan. L-użu tal-“berthing” qed ikun orkestrat minn individwi fuq livell personali, li huma wkoll Uffiċjali ta’ Transport Malta msemmija f’numru ta ’skandli oħrajn.

Filwaqt li jirringrazzja lill-ħaddiema ġenwini ta’ Transport Malta, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Pulizija u/jew Transport Malta jikkonfermaw din l-informazzjoni, filwaqt li jistaqsi jekk it-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija talbitx biex tliet Uffiċjali fi ħdan Transport Malta jkunu sospiżi fid-dawl tal-investigazzjonijiet li qed isiru, u jekk saritx investigazzjoni interna mill-Awditur ta’ Transport Malta. F’każ li iva, ir-rapport għandu jkun pubbliku. Transport Malta għandha wkoll tagħmel pubbliku l-attività kollha li kien hemm mal-“berth”, li responsabli ghalih huma l-AUM, kif ukoll l-audits li saru minn Transport Malta.

Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi wkoll għaliex il-Pulizija għadha trid tibgħat għal numru ta’ xhieda, li jistgħu jgħinu fl-investigazzjonijiet tagħhom, u għaliex dawn l-investigazzjonijiet qed idumu daqshekk.