Kummerċ Lokali

Gradwazzjoni tal-Akkademja għan-Nisa Intraprendituri

Ken Toko, id-Deputat Kap fl-Ambaxxata Amerikana f’Malta u Chris Vassallo Cesareo, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta, iċċelebraw il-parteċipanti li ggradwaw mill-Akkademja tan-Nisa Intraprendituri (AWE) tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan.  

Il-programm AWE jipprovdi lin-nisa intraprendituri madwar id-dinja bl-għarfien, in-netwerks, u l-aċċess meħtieġa biex jibdew u jżidu negozji ta’ suċċess.  Tnejn mill-parteċipanti eċċellaw fil-preżentazzjoni tal-proposti tan-negozju tagħhom, u rebħu kompetizzjoni ta’ $9,000 bħala l-ewwel premju, u $4,000 bħala t-tieni premju li se jinvestu fin-negozji tagħhom.

Fl-2022 u l-2023, l-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Malta ssieħbet mal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta biex timplimenta t-tieni u t-tielet iterazzjoni f’Malta ta’ dan il-programm ta’ intraprenditorija globali.  

L-AWE tappoġġja l-Istrateġija Nazzjonali tal-Gvern tal-Istati Uniti dwar l-Ekwità u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi bil-għan li tavvanza l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa globalment.  Implimentata fi kważi 100 pajjiż mill-2019, AWE għen lil madwar 25,000 mara intraprenditur minn madwar id-dinja, inkluż f’Malta.

Toko u Vassallo Cesareo ippreżentaw ċertifikati lill-gradwati u l-parteċipanti tal-AWE u taw iż-żewġ premjijiet f’seed funds lir-rebbieħa tal-kompetizzjoni bil-pjan ta’ negozju tagħhom.  

F’diskors qasir, Ken Toko qal: “Fl-Ambaxxata tal-Istati Uniti, aħna kburin li nikkollaboraw mal-imsieħba tagħna f’Malta biex navvanzaw l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet fid-diversità kollha tagħhom fis-soċjetà, fil-politika u fl-ekonomija.  F’isem l-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Malta u d-Dipartiment tal-Istat Amerikan, nixtieq nifraħ lilkom ilkoll.  Aħna kburin bl-innovazzjoni tagħkom u nammiraw id-determinazzjoni li ssegwu l-ambizzjonijiet tagħkom.”

Vassallo Cesareo qal: “L-entużjażmu ġenwin tagħna għal dan il-proġett huwa bbażat fuq il-benefiċċji mifruxa li jġib miegħu, mhux biss lill-parteċipanti jew lill-komunità tan-negozju, iżda lis-soċjetà tagħna kollha.  Inħobb ħafna nikkwota t-terminu tan-Nazzjonijiet Uniti ‘He for She’ meta naħdmu fuq is-solidarjetà man-nisa biex tinħoloq forza kuraġġuża, viżibbli u magħquda għall-ugwaljanza bejn is-sessi.  L-isferi tan-negozju u l-intrapriża m’għandhomx ikunu eċċezzjoni, iżda r-regola.  Flimkien, u ma’ xulxin biex nibnu negozji, inrabbu familji, u nagħtu lura lill-komunitajiet tagħna.”                                    

Rachel Bondi Attard, il-Kap tal-Media u Strateġista tal-Komunikazzjoni qalet: “Nista’ ngħid b’fiduċja li d-determinazzjoni, ir-reżiljenza, u l-ispirtu innovattiv tagħkom huma l-forzi li jgħinukom timxu ‘l quddiem, minkejja l-ostakli li tistgħu tiltaqgħu magħhom. Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta hija ferħana li tara tant nisa b’talent li jlestu dan il-programm b’suċċess, u nistennew bil-ħerqa li narawkom issegwu l-ideat intraprenditorjali tagħkom b’passjoni u konvinzjoni.”