Internazzjonali

Il-gwerra fl-Ukrajna: S’issa mietu aktar minn 50,000 suldat Russu

Rapporti riċenti żvelaw ir-realtà traġika li qed jaffaċċjaw is-suldati Russi, hekk kif jidher li s’issa kien hemm total ta’ 50,000 suldat Russu li tilfu ħajjithom f’din il-gwerra li beda Vladimir Putin. 

L-aħħar analiżi ta’ din il-gwerra turi li eluf ta’ suldati qed jintbagħtu, bla waqfien, lejn it-territorju Ukren f’tentattiv sabiex il-gvern Russu jegħleb il-forzi Ukreni. Din l-istrateġija, avolja għandha l-għan li tikseb rebħiet territorjali, wasslet għal spiża umana enormi, b’aktar minn 27,300 suldat Russu jitilfu ħajjithom fit-tieni sena tal-gwerra biss. 

Inizjalment, it-truppi kienu magħmulin biss minn nies professjonali li għandhom kapaċitajiet militari estensivi. Però, aktar ma jgħaddi ż-żmien, individwi nieqsa minn taħriġ jew esperjenza militari, bħal voluntieri, ċivili, u anke priġunieri, ġew mibgħuta wkoll għall-gwerra.

Ħafna drabi dawn l-irġiel qed jiġu reklutati taħt pressjoni, u ġew sfurzati jmorru għall-gwerra b’taħriġ minimu. Il-konsegwenzi qed ikunu devastanti.    

Barra minn hekk, ir-rakkonti tal-familji li dawn is-suldati ħallew warajhom juru stampa traġika – nisa jibku l-irġiel tagħhom, li ġew meħuda mill-ħabs għall-kamp tal-battalja, ħafna drabi bla twissija jew preparazzjoni. Tfal li se jikbru mingħajr missirijiet, u ommijiet li qed jitħallew jiffaċċjaw il-telf tal-maħbubin tagħhom, minħabba gwerra li qatt ma għażlu. 

L-istejjer ta’ dawn is-suldati, priġunieri, u l-familji tagħhom iservu ta’ tfakkira ċara dwar il-piż uman ta’ din il-gwerra tant brutali.