Lokali

Il-GWU tibqa’ tinsisti li t-taxxa tal-COLA trid titneħħa

Jispikkaw l-elementi ta’ qbil u konverġenza bejn il-PN u l-GWU

Il-General Workers Union ma taqbilx li l-Gvern għadu jintaxxa l-għajnuna tal-għoli tal-ħajja.

Dan hekk kif bħal diversi msieħba soċjali flimkien ukoll mal-Partit Nazzjonalista, il-General Workers Union qed tinsisti li l-Gvern ta’ Abela għandu jagħti l-kumpens għall-għoli tal-ħajja b’mod sħiħ.

Dan saħqu s-Segretarju Ġenerali tal-Union, Josef Bugeja, meta saħaq ma’ Net News li l-poplu qed iħallas taxxa li diġà ħallas għaliha. Dan filwaqt illi insista li bħala union qed jipproponu li l-mekkaniżmu ma jibqax jiġi kkalkulat fuq l-għoli tal-ħajja tas-sena preċedenti minn meta jitħabbar il-budget, iżda tal-inqas kull sitt xhur.

Dan kollu ntqal wara laqgħa li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, flimkien max-Shadow Ministers Ivan Castillo u Robert Cutajar, u l-kandidat għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Lee Bugeja Bartolo, kellhom mal-uffiċjali tal-General Workers Union.

Matul il-laqgħa kien hemm qbil f’ħafna oqsma partikolarment dwar it-tneħħiha tat-taxxa fuq il-COLA iżda mhux biss; hekk kif il-kwalità ta’ ħajja aħjar u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar ġew diskussi fit-tul.

Matul il-laqgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-poplu jeħtieġlu ħafna aktar biex ikun megħjun quddiem l-isfida tal-għoli tal-ħajja. Dan filwaqt illi insista li hemm diversi fatturi li jorbtu mal-kwalità ta’ ħajja aħjar għal ħaddiema – fosthom l-ambjent u t-traffiku.

Filwaqt li ġew diskussi wkoll il-kundizzjonijiet ta’ diversi ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u kif pajjiżna jista’ jlaħħaq mad-domanda – fost oħrajn billi ninċentivaw ix-xogħol qalb il-Maltin u l-Għawdxin – spikkat tema oħra importanti: l-għejja mentali taċ-ċittadini.

Josef Bugeja tkellem dwar il-fatt li preżentament diversi ħaddiema għaddejjin minn burnout hekk kif qed jippruvaw iżidu l-produttività tagħhom b’inqas riżorsi.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU saħaq li matul din il-laqgħa ta’ diskussjonijiet, ra ħafna elementi ta’ qbil bejn l-union u l-Partit Nazzjonalista.