Lokali Parlament

Il-ħaddiema kollha għandhom jingħataw taħriġ b’fondi mill-UE


David Agius, PN


Id-deputat Nazzjonalista David Agius sostna fil-Parlament li l-ħaddiema kollha għandhom jingħataw taħriġ b’fondi mill-UE.


David Agius qal li l-pilastru ambjentali hu l-pilastru d-dgħajjef fejn jidħol l-iżvilupp sostenibbli għaliex mhux jintlaħqu l-miri nazzjonali fit-tnaqqis tal-emissjonijiet u kwistjonijiet ta’ bidla fil-klima. Meta tkellem dwar il-kwalità tal-arja, David Agius qal li issa l-gvern se jixtri generaturi ta’ €37 miljun biex jipproduċu l-enerġija. Dawn il-ġeneraturi se jaħdmu bid-diesel.


Id-deputat Nazzjonalista kkritika t-tkabbir bla rażan tal-popolazzjoni u qal li l-mudell ekonomiku hu nieqes mis-sostenibbiltà u qed ipoġġi lill-pajjiż f’diffikultà. L-enfasi ta’ dan il-mudell hu ċ-cheap labour fejn il-pagi ilhom iffriżati fl-istess livell sal-2016. Dan fil-kuntest ta’ għoli tal-ħajja li l-pajjiż ilu ma jara bħalu snin twal.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li minħabba diversi nuqqasijiet, hemm effetti fuq il-pilastru soċjali fejn hemm familji u persuni li mhux ilaħħqu mal-ħajja minħabba ż-żieda fil-prezzijiet. Hu kompla li dan kollu qed iġib problemi fix-xibka soċjali u żied li hawn problemi ta’ persuni li qed jitolbu l-flus biex jieklu.


David Agius kompla li din ix-xikba għandha bżonn tkun riveduta u żied li l-vizzju tad-droga kiber ħafna. Din il-problema għandha tkun trattata b’mod immedjat għaliex qed teqred il-valuri tas-soċjetà b’effetti fuq il-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Jeħtieġ li l-Pulizija tkun armata sew quddiem il-kriminalità organizzata.


Hu semma’ l-qasam tas-saħħa mentali u qal li l-pajjiż jinsab fi kriżi f’dan is-settur. Jirriżulta li dawk f’riskju ta’ faqar huma 100,000 minn popolazzjoni ta’ 500,000; wieħed minn kull ħamsa fil-pajjiż. Fejn huma l-middle class ġdida, il-qerda tal-faqar, il-living wage u s-soluzzjonijiet għall-problemi tad-djar li kien wiegħed il-PL? Dan qed iseħħ taħt Gvern Soċjalista li suppost jara li l-fus l-ewwel imorru għand min verament għandu l-iktar bżonn.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li r-rapport dwar l-iżvilupp sostenibbli hu iktar riklam milli viżjoni fit-tul. Hu tkellem dwar l-UE u qal li kienet il-viżjoni tal-PN li wasslet biex il-pajjiż issa qed jibbenefika minn fondi Ewropej biex il-progress jibqa’ miexi ‘il quddiem.


David Agius kompla li l-poplu għandu jirrikonoxxi lil min kellu l-viżjoni tal-UE u appella beix issir ħidma mal-unions biex fil-ftehim kollettiv jiddaħħal il-bżonn li kull ħaddiem jingħata t-taħriġ neċessarju.