Lokali

Il-Maltin jibqgħu jiffaċċjaw prezzijiet ferm ogħla mill-medja Ewropea

L-inflazzjoni f'pajjiżna hi ta' 2.7 fil-mija

Ċifri uffiċjali maħruġa llum mill-Eurostat juru li l-Gvern Malti baqa’ ma sabx tarf tal-morsa tal-għoli tal-ħajja. Tant li l-inflazzjoni u l-piż tal-prezzijiet baqa’ ferm ogħla mill-medja tal-pajjiżi fl-UE.

Skont l-istatistika, pajjiżi bħal-Latvija, l-Italja, id-Danimarka, il-Finlandja u l-Litwanja, kollha għandhom sitwazzjoni ta’ għoli tal-ħajja aħjar minn pajjiżna. Anke f’Ċipru u l-Irlanda l-prezzijiet tal-prodotti huma orħos.

Il-gvernijiet tal-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka wkoll irnexxielhom irażżnu l-għoli tal-ħajja aktar mill-Gvern ta’ Robert Abela. Anke Franza għandha rata ta’ għoli tal-ħajja irħas minn Malta.

FʼMarzu, l-akbar impatt fuq l-inflazzjoni annwali ġie mill-Indiċi tal-Ikel u x-xorb mhux alkoħoliku (+1.02 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla tal-ħalib. It-tieni u t-tielet l-akbar impatti fuq l-inflazzjoni annwali ġew innotati fl-indiċi tar-restoranti u lukandi (+0.69 punti perċentwali) u fl-indiċi tal-akkomodazzjoni, ilma, elettriku, gass u tipi taʼ karburanti oħrajn (+0.36 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla fis-servizzi tar-rstoranti u fil-kirjiet.