Lokali

Il-Ministru Bonett ma jweġibx meta sar jaf bid-direttivi tal-UĦM mal-Malta Public Transport

Wara li l-Ministru Chris Bonett qal lill-poplu fil-Parlament li hu mhux mekkanik, issa l-istess Ministru spiċċa jwissi lill-UĦM Voice of the Workers.  Dan b’rabta mal-aħħar allegazzjonijiet li ħarġu fil-konfront tal-Malta Public Transport wara li aktar kmieni dan ix-xahar infetaħ protest ġudizzjarju mill-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta fejn supervisor tal-kumpanija saħaq li ġie mhedded għax ma riedx jagħti barka lil karozza tal-linja minħabba li skont hu ma kinitx tajba għat-triq.

Il-Ħadd li għadda l-UĦM saħqet li dak li qed jingħad minn dan il-ħaddiem qed jaqbel u huwa simili ta’ dak li wasal għandhom fl-ewwel ġimgħat tas-sena – tant li l-union kienet ħabbret xi direttivi fi Frar.

Għaldaqstant, Net News staqsa lill-Ministru Bonett jekk kienx jaf bir-rapporti li saru fil-bidu tas-sena lill-UĦM u sussegwentament lil Malta Public Transport, lil hinn mill-protest ġudizzjarju – bil-Ministru jwissi lill-media u l-union sabiex jaraw li l-informazzjoni tkun veritiera.

Dwar ir-rapporti li daħlu lill-UĦM, staqsejna lill-General Manager tal-kumpanija, Konrad Pulè, fejn minn naħa tiegħu stqarr li l-affarijiet kienu ġew iċċarati mal-UĦM wara li daħħlilhom rapport fuq każ wieħed ta’ karozza tal-linja. Huwa saħaq li l-prijorità hija dejjem il-pubbliku u l-impjegati; u li kull dubju għandu jiġi ċċarat.

Net News baqa’ jinsisti mal-Ministru Bonett b’domanda sempliċi: jekk fi Frar, filwaqt li l-pubbliku ma kellu ebda idea b’dawn ir-rapporti u allegazzjonijiet dwar il-karozzi tal-linja, hu kienx konxju ta’ dak li kien qed jiġri fi ħdan il-Malta Public Transport u d-direttivi tal-UĦM.

Fil-protest ġudizzjarju ġew preżentati WhatsApp chats fejn intqal minn uffiċjali għoljin lill-ħaddiema li jekk xi ħadd iweġġa’ fuq tal-linja, don’t worry.

B’rabta ma’ dawn iċ-chats ġie allegat li nġabru xi mobiles tal-ħaddiema u tpartu ma’ oħrajn, Konrad Pule ma ċaħadx.

Huwa spjega li fil-jiem li ġejjin il-Malta Public Transport se tibqa’ għaddejja bid-diskussjonijiet mal-UĦM bħalma dejjem għamlet.

Dan kollu wara konferenza tal-aħbarijiet fejn l-MPT ħabbru żieda ta’ 30 karozza tal-linja miżjuda mal-flotta b’investiment privat ta’ €8 miljun.