Lokali Parlament

Il-mudell ekonomiku bbażat fuq it-tkabbir bla pjan tal-popolazzjoni kisser kull żvilupp sostenibbli


Joe Giglio, PN


Id-deputat Nazzjonalista Joe Giglio qal fil-Parlament li l-mudell ekonomiku bbażat fuq it-tkabbir bla pjan tal-popolazzjoni kisser kull żvilupp sostenibbli.

Joe Giglio qal li ż-żieda ta’ 100,000 persuna fl-aħħar 10 snin hu element fin-nuqqas ta’ żvilupp sostenibbli fil-kuntest tad-daqs tal-pajjiż. Dan mhux sostenibbli, iktar u iktar għax dan it-tkabbir sar bla pjan. Filwaqt li hawn setturi li għandhom bżonn ħaddiema barranin, dan il-mudell ma jistax ikun attwat kullimkien.


Hu qal li mhux sostenibbli li ż-żgħażagħ Maltin qed isibuha diffiċli li jixtru l-ewwel propjetà tagħhom, li għad hawn tant nies li huma preokuppati bl-għoli tal-ħajja, l-inflazzjoni, il-faqar, il-konsegwenzi fuq l-infrastruttura u n-nuqqas ta’ ppjanar.


Hu qal li l-proġetti infrastrutturali, fosthom toroq, li qed jerġgħu jinqalgħu huma konferma ta’ kemm mhux isir żvilupp sostenibbli. Fost dawn hemm numru kbir ta’ toroq li qed jerġgħu jinfetħu wara li jkunu tlestew.


Irid ikun ikkunsidrat li d-dejn tal-pajjiż qed joqrob l-€10 biljun. L-infiq tat-taxxi qed isir b’mod li ma jagħmilx ġieħ lin-nies li jagħmlu s-sagrifiċċji biex dak li hu dovut lill-gvern jitħallas.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-konġestjoni tat-traffiku mhijiex sostenibbli u żied li jekk il-popolazzjoni tiżdied għal 800,000, din is-sitwazzjoni se ssir iktar inaċċettabbli. Insostenibbli wkoll hi s-sitwazzjoni ambjentali fil-pajjiż bl-ammont ta’ tniġġis u bl-istorbju. Il-gvern mhux jagħti l-importanza neċessarja lil setturi li jistgħu jkabbru l-ekonomija u jrendu iktar mill-mudell ibbażat fuq l-importazzjoni tal-barranin. Fost dawn hemm il-manifattura ta’ kwalità.


Joe Giglio kompla li l-kwalità tal-ħajja llum naqset minkejja l-iżvilupp ekonomiku li qed isir.