L-MCAST u l-IBMC (Institute of Business, Management and Commerce) organizzaw il-Business Career Expo 2024 fil-kampus ta’ Raħal Ġdid. Din l-inizjattiva, mifruxa fuq jumejn, iffukat fuq karrieri li relatati mal-intrapriża.
L-Eċċellenza tagħha l-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono attendiet dan l-avveniment fejn indirizzat lill-istaff u lill-istudenti. Hija saħqet li l-istudenti huma l-pedament tal-futur, u dawk li jiggwidawhom qegħdin jikkontribwixxu lejn is-soċjetà. L-Eċċellenza tagħha irringrazzjat lil pareteċipanti kollha għal kontribut tagħhom lejn il-Community Chest Fund, fejn inġabru madwar €7,500 f’donazzjonijiet.
Il-Prinċipal tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja, qal li dan l-avveniment iressaq flimkien lil akkademiċi, l-istudenti, u l-intrapriża, u dan isaħħaħ il-valuri tal-Kulleġġ u jgħin lill-istudenti. Il-Professur Calleja enfasizza li l-MCAST irid jaħdem mal-imsieħba tal-intrapriża sabiex jiżgura r-relevanza tal-korsijiet offruti mill-kulleġġ kif ukoll jipprepara lill-istudenti sabiex dawn ikunu ta’ suċċess.
Id-Direttur tal-Istitut tal-IBMC, is-Sur Andrew Galea, spjega li l-Istitut regolarment jorganizza tali avvenimenti fosthom opportunitajiet ta’ xogħol waqt il-korisjiet offruti mill-istess Kulleġġ. Is-Sur Galea qal li dan jgħin sabiex jipprepara lill-istudenti għad dinja tax-xogħol, kif ukoll jgħinhom fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom.
L-IBMC jospita madwar 1,300 student li jattendu korsijiet full-time. L-EXPO kienet sponsorjata mill-Bank Ċentrali ta’ Malta.
//= $special ?>