Kunsilli Lokali Lokali

Il-pubbliku jinżamm fl-għama dwar l-ivvalenar tas-siġar tal-Mosta

Wara l-ewwel talbiet tiegħu indirizzati lill-Ministru għall-Ambjent, lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u lill-Kunsill Lokali tal-Mosta, il-Moviment Graffitti issa ħareġ it-tieni ittra fejn qed jinsisti li l-pubbliku għandu jingħata aġġornament dwar is-siġar tal-fikus fil-pjazza tal-Mosta.

L-ewwel talba tal-Moviment Graffitti ntbagħtet wara li rċieva diversi rapporti dwar toqob kbar li dehru fiz-zkuk tas-siġar tal-fikus fil-pjazza tal-Mosta u likwidu li kien qed jitferra’ fihom. F’din it-talba, il-Moviment Graffitti talab li l-awtoritajiet konċernati jinvestigaw din il-kwistjoni allarmanti u jinfurmaw lill-pubbliku dwar x’inhuma t-toqob, x’inhu l-likwidu fihom u madwarhom, u x’inhu l-pjan ta’ kura biex is-siġar jiġu megħjuna jirkupraw.

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest tal-inċident tas-sena l-oħra, meta l-Kunsill Lokali, bil-barka tal-ERA, ipprova jneħħi s-siġar bil-moħbi, qabel ma twaqqaf mill-oppożizzjoni qawwija tal-komunità. Huwa improbabbli ħafna li l-ħsara li saret lis-siġar ftit ġimgħat ilu mhijiex relatata mat-tentattiv ta’ Novembru biex jitneħħew.

L-ERA mbagħad ippubblikat id-dikjarazzjoni tagħha stess fejn enfasizzat li kienet għaddejja investigazzjoni tal-Pulizija. Il-Moviment Graffitti mill-ewwel irreaġixxa, u saħaq li l-pubbliku għandu dritt li jkun infurmat u aġġornat dwar il-kwistjoni.

Wara tliet ġimgħat ta’ silenzju mill-awtoritajiet konċernati, il-Moviment Graffitti issa indirizza ittra lill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, lill-Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, lill-ERA, u lill-Kunsill Lokali tal-Mosta, fejn talab għal informazzjoni dwar l-investigazzjoni, l-istat attwali tas-saħħa tas-siġar, u l-passi li jmiss.