Sport

It-tim nazzjonali Malti tal-polo jirbaħ lir-Repubblika Irlandiża

It-tim nazzjonali Malti tal-polo għeleb lir-Repubblika Irlandiża 6-1 sabiex rebaħ l-Alexandria Cup. Kien konfront li ntlagħab fil-Malta Equidrome, bil-Maltin li mal-ewwel ħarġu fuq l-attakk tant li sal-ewwel żewġ chukkas kienu qed jirbħu 6-0.
Fit-tielet chukka ma ġie reġistrat l-ebda goal sabiex fl-aħħar waħda l-Irlandiżi naqqsu l-marġni tal-iskor.
Il-Maltin kellhom lil Matthew Borg u l-captain Martin Arrigo li skorjaw żewġ gowls kull wieħed, filwaqt li Jeremy Besancon u Karl Galea għaqqdu l-iskor favur it-tim tagħhom.
Mark Stone skorja l-uniku gowl għall-Irlandiżi.
Fi tmiem il-konfront, iċ-Chairman ta’ EquestriMalta, John Huber, fil-preżenza tal-Uffiċjal Eżekuttiv Max Zammit, ippreżentaw it-tazza lill-captain Martin Arrigo.
Sadanittant, qabel il-bidu ta’ dan il-konfront, ġie inawgurat scoreboard elettroniku mill-Ministru għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima. Dan l-iscoreboard ħa post dak manwali li ilu jintuża għal dawn l-aħħar snin. Dan kollu grazzi għal EquestriMalta li qed jaħdmu qatigħ sabiex jattiraw aktar timijiet barranin lejn pajjiżna.