Lokali

IT-TOROQ MALTIN: Farsa nazzjonali quddiem l-inkompetenza ta’ Gvern Laburista

Il-poplu Malti u Għawdxi qed jgħix farsa nazzjonali kaġun ta’ nuqqas serju fl-ippjanar għal għadd ta’ xogħlijiet fit-toroq madwar il-pajjiż kollu.

€700 miljun u 11-il sena wara, is-sitwazzjoni saret agħar milli kienet. Toroq li jingħalqu biex isirilhom xogħol infrastrutturali, jispiċċaw jerġgħu jinqalgħu wara ftit snin biex isirilhom xogħol ġdid. Aktar minn qatt qabel, pajjiżna jeħtieġ ippjanar serju biex ma jkomplux ikunu sparpaljati l-miljuni ta’ ewro.

Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet li saret fi Triq il-Fortizza tal-Mosta, fil-Mosta, u li kienet indirizzata mix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà Mark Anthony Sammut u mix-Shadow Minister għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Joe Giglio, kif ukoll mill-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Louise Anne Pulis.

Il-kelliema nnotaw kif fi triq fejn ix-xogħol kien tlesta, issa t-triq reġgħet inqalgħet mill-ġdid. Bħalha hemm toroq oħrajn fil-Mosta, f’Ħal Luqa, fiż-Żurrieq, fix-Xgħajra u f’Ħaż-Żabbar, fost oħrajn. F’din is-sitwazzjoni rajna triq li reġgħet inqalgħet mhux għax il-kuntrattur ikun għamel xi ħaġa ħażina, imma għax il-Gvern ma jafx jippjana għax kien biss issa li ftakar li kellhom isiru xi xogħlijiet b’rabta mas-servizz tad-dawl.

Il-kelliema saħqu fuq il-konsegwenzi ta’ dan in-nuqqas ta’ ppjanar, fosthom aktar spejjeż u ħela ta’ risorżi, konġestjoni kontinwa li kulma jmur qed toħloq aktar stress u inkonvenjenza, kif ukoll tniġġis ambjentali, bi triq tinqala’ darba, tnejn, tlieta, b’dawk tal-madwar ibatu l-agħar konsegwenzi ta’ terrapien u arja aktar imniġġsa.

Din is-sitwazzjoni madwar Malta qed toħloq inkonvenjent doppju fit-traffiku, partikolarment meta qed naraw ħafna toroq maqlugħin fl-istess waqt u allura, in-nies qed isibu anke t-toroq alternattivi magħluqin. Dan mhu xejn ħlief inkompetenza u nuqqas ta’ ppjanar, li qed iwassal għal sparpaljar ta’ flus, inklużi fondi Ewropej. Fondi li jistgħu jintużaw ħafna aktar bil-għaqal, li kieku x-xogħol isir bi pjan. 

Il-kelliema tennew li l-Gvern suppost juża parti mill-fondi allokati għal konsulenzi minn esperti fis-settur. Madankollu, il-Gvern minflok jinvesti, qed jippreferi juża l-fondi biex iqassamhom lil tal-qalba, lil xi kandidati għall-Parlament Ewropew jew lil xi backbencher biex ikun jista’ jitħanżer.