Lokali

IT-TRAFFIKU: Snin ta’ skużi u s’issa ebda soluzzjoni li ħadmet

Fl-2019 qalulna li se jonqos: 5 snin u 3 Ministri wara jkollhom jammettu li żdied

April 2019 – Studju kkummissjonat mill-Gvern tal-Labour iddikjara iswed fuq l-abjad li la darba 7 proġetti maġġuri jitlestew, it-traffiku għas-sewwieqa se jonqos b’5 miljun siegħa kumplessivi.

April 2024 – Il-proġetti finalment tlestew u l-Ministru Silvio Schembri jammetti l-ovvju ma’ Net News; li t-traffiku minflok naqas …kompla jiżdied. Dan hekk kif it-Tlieta waranofsinhar Schembri farfar il-kriżi u l-istress tat-traffiku ġġammjat mal-pajjiż kollu fuq dak li hu sejjaħ titjib ekonomiku.

Toroq magħluqin – xi minn daqqiet għax il-konkos dam ma jinxef, drabi oħrajn jgħidu għax it-tort tal-kuntrattur – iżda ċertament qatt ma hu tort ta’ min hu fl-aħħar mill-aħħar responsabbli – il-Ministru u l-Gvern tal-ġurnata – ċioè ta’ Robert Abela.

Din hi turija ċara li Abela u min imexxih mhux jaqbdu kaptu ta’ dan il-Ministeru u l-isfidi li jġib miegħu huwa l-fatt li f’inqas minn sentejn biddel xejn inqas minn tliet ministri. Sa Marzu tal-2022 kien qed jokkupa din il-kariga l-Ministru Ian Borg – li ftit tax-xhur ilu l-ġurnal Times of Malta żvela numru ta’ chats fejn  allegatament taħt it-tmexxija tiegħu kien hemm għaddejja racket ta’ għajnuniet irregolari fuq it-testijiet u l-liċenzji tas-sewqan.

Sussegwentament …wara Borg kien imiss Aaron Farrugia – il-Ministru tat-Trasport li fl-istess waqt li kien iħeġġeġ lill-pubbliku biex jużaw mezzi ta’ trasport alternattivi flok il-karozza, kien jgħid li ma jafdax lill-uliedu jsuqu r-rota fit-toroq Maltin.

U mill-bidu ta’ Jannar – biex jiprova jittanta xortih għat-tielet darba bil-għan li jikseb naqra kontroll fuq it-traffiku …u wara li fost l-oħrajn Farrugia xeħet il-ħtija fuq il-festi għat-traffiku qawwi li qed nesperjenzaw …Abela dar għal Chris Bonett illi mal-ewwel skoll b’rabta mat-trasport pubbliku qalilna li hu mhux mechanic.

Intant, ma’ Net News il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri stqarr li r-raġuni għaliex żdied it-traffiku kienet fiż-żieda ekonomika …iżda stqarr ukoll li fl-infrastruttura wieħed qatt ma jista’ jasal; għaliex dejjem trid l-aħjar.

Wara l-pompi kollha dwar il-Metro fid-daħla tal-Belt lura fl-2022 ftit tal-ġimgħat qabel l-Elezzjoni Ġenerali …stunt tal-Gvern li ġiet tiswa aktar minn €430,000 …il-Ministru qalilna nistaqsu dwar dan lil Chris Bonett.

Wegħda fil-manifest elettorali Laburista li tgħid li proġett li suppost huwa intiż li jnaqqas drastikament il-kultura dipendenti fuq l-użu tal-karozza privata – wegħda li sa issa però l-Labour għadu lanqas biss jaf jekk hix vjabbli. Sadanittant, il-poplu għadu jistenna.