Internazzjonali

“Iż-żgħażagħ qed jirtu dinja li qed tinqered” – Il-Kunsill tas-Sigurtà fin-Nazzjonijiet Uniti

Iż-żgħażagħ qed jirtu dinja li ftit ftit qed tinqered. U huwa għalhekk li għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-politika u d-deċiżjonijiet fil-pajjiżi kollha tad-dinja. 

Dan kien is-sentiment li ħareġ ċar fil-laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li saret l-Erbgħa waranofsinhar fi New York, fl-Istati Uniti. 

It-tema prinċipali ta’ din il-laqgħa kienet it-theddida illi qed toħloq il-bidla fil-klima għall-Mediterran. Dan, hekk kif il-Mediterran qed jisħon b’rata ta’ 20% aktar mill-kumplament tad-dinja. Il-pajjiżi Mediterranji qed jesperjenzaw sħana estrema li tirriżulta f’theddida għall-agrikoltura, riżorsi tal-ilma u saħħa pubblika. 

Il-Kunsill tas-Sigurtà semma’ sfidi oħra li qed jesperjenza l-Mediterran, fosthom is-sigurtà marittima, instabbiltà politika u ż-żieda fil-popolazzjoni f’qasir żmien, fost l-oħrajn, fejn isemmgħu wkoll il-gwerra li ħakmet lir-reġjun tal-Lvant Nofsani li qed toħloq instabbiltà globali, imwiet bla preċedent u distruttament fil-ħajja taż-żgħażagħ li kaġun ta’ din il-gwerra qed jiċċaħħdu mill-edukazzjoni u s-saħħa, fost l-oħrajn.

Fid-dawl ta’ dawn id-diffikultajiet, il-Kunsill tas-Sigurtà qed ipoġġi fuq quddiem is-sehem taż-żgħażagħ bil-għan li jisma’ u jaffaċċja din it-theddida bis-sehem tal-ġenerazzjoni futura. Dan bl-attenzjoni tkun għall-Youth, Peace and Security Agenda, bil-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ żgħażagħ minn pajjiżi differenti fosthom Malta. 

Sara Messaoudi, rappreżentanta tal-aġenda, indirizzat il-ħames pilastri li jifformaw l-aġenda tal-YPS għal promozzjoni tas-sigurtà u s-saħħa globalment. Dawn il-pilastri huma l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, il-protezzjoni ta’ spazji ċivili fejn iż-żgħażagħ jikkollaboraw u jaqsmu r-riżorsi tagħhom, il-prevenzjoni u l-iffinanzjar, sħubijiet u inforzar.

F’din il-laqgħa, il-membri tal-Kunsill insistew ukoll illi dawn id-diffikultajiet għandhom jiġu indirizzati b’mod ħolisitku u b’ħidma konġunta tal-pajjiżi kollha, bil-ħidma tindirizza l-kontroll fil-klima, ir-riżoluzzjoni għal kunflitti, u soluzzjonijiet sostennibbli. Dan għaliex is-soluzzjonijiet adottati fi snin passati, issa qed juru li mhux ħa jkunu qed jaħdmu fis-snin li ġejjin. 

Intant, il-Kunsill tas-Sigurtà, iddiskuta kif il-popolazzjoni Mediterranja għandha maġġoranza żagħżugħa, b’wieħed minn kull tliet persuni jkun żgħażagħ. Huwa għalhekk illi ż-żgħażagħ għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-ħidma f’kull aspett, fosthom fil-paċi u s-sigurtà, drittijiet umani, rule of law, u prevenzjoni tal-kunflitti. 

Din il-ħidma sabiex iż-żgħażagħ ikunu fuq quddiem ta’ diskussjonijiet fuq sigurtà u paċi, tibdil fil-klima fost l-oħrajn, qed issir bil-għan illi l-perċezzjoni negattiva li tillumina l-ħidma taż-żgħażagħ tiġi elaminata dan filwaqt li tiżgura li l-ġenerazzjonijiet futuri jkollhom impatt fuq id-deċiżjonijiet li qed jittieħdu attwalment u li se jkunu qed jaffettwaw il-ħajja futura globalment. 

Fl-2015, ġie stabbilit il-YPS (Youth, Peace and Security), bil-Kunsill tas-Sigurtà jadotta riżoluzzjoni fl-2018, u oħra fl-2020, sabiex il-membri stati jiġu mħeġġa jżidu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’deċiżjonijiet għal paċi u għar-riżoluzzjonijiet tal-kunflitti.  

Malta qed tassumi l-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà għax-xahar ta’ April ta’ din is-sena. Din hija t-tieni darba li pajjiżna qed jassumi l-presidenza ta’ dan il-kunsill f’dawn l-aħħar sentejn.