Lokali Parlament

Jeħtieġ soluzzjoni u azzjoni dwar l-iskola tal-Mellieħa


Robert Cutajar, PN


Id-deputat Nazzjonalista u Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar sostna fl-Aġġornament tal-Parlament li jeħtieġ soluzzjoni u azzjoni dwar l-iskola tal-Mellieħa.


Robert Cutajar qal li l-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima qed jitratta ħażin lill-iskola tal-Mellieħa u qed jinsolenta l-intelliġenza tan-nies billi ma jweġibx il-mistoqsijiet parlamentari dwar l-iskola primarja.


Hu spjega li kien talab lill-Ministru tal-Edukazzjoni jwieġeb mistoqsija sempliċi dwar kemm hemm studenti fl-iskola primarja tal-Mellieħa, iżda flok ta numru, il-Ministru tal-Edukazzjoni ma weġibx. Donnu l-Ministru qed jibża’ minn din l-iskola għax mux iwieġeb il-mistoqsijiet dwarha; dan meta t-tliet ministri tal-edukazzjoni li kien hemm qablu kienu jwieġbu l-mistoqsijiet.


Il-Ministru Clifton Grima għadu qatt ma żar din l-iskola u hemm proġett li ilu jiġi mwiegħed għaxar snin u issa l-Ministru lanqas qed iwieġeb dwaru. Li sar kien biss li, qabel l-elezzjonijiet, jinbidlu l-billboards dwar l-estenzjoni tal-iskola tal-Mellieħa li kienu quddiem l-iskola. Il-Mellieħa mhijiex komunità taż-żufjett, sostna Robert Cutajar, li kompla li sit partikolari fil-Mellieħa fejn l-għalliema u l-Kunsill Skolastiku kienu twebblu li sakemm titlesta l-iskola jitpoġġew numru ta’ containers iżda ħarġet offerta fuqu fejn hemm propost numru ta’ appartamenti.


Robert Cutajar qal li l-Minitru Grima kellu jwieġeb dwar din is-sitwazzjoni u għandu jpoġġi l-pjanti li tressqu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.


Kien hemm pjanti li fihom kien speċifikat li l-estenzjoni tal-iskola ma kinitx se taħseb għall-mod kif qed tikber il-popolazzjoni tal-Mellieħa u għalhekk dawn il-pjanti kienu modifikati biex inkludew proposti konkreti dwar din ir-realtà. F’dan kollu li qed jagħmel, il-Ministru tal-Edukazzjoni hemm ħafna ingann iżda l-PN se jibqa’ jagħmel ħiltu kollha biex dan il-proġett isir. Hu qal li l-Ministru tal-Edukazzjoni għandu jispeċifika fejn se jitpoġġew il-containers u sostna li l-Ministru Grima m’għandux jibża’ jiddjaloga.


Dwar il-parkeġġ, Robert Cutajar qal li jistenna iktar impenn mill-kunsill lokali biex dan isir, iżda fil-verità m’hemmx fondi biex jinbena parkeġġ. Għalhekk il-gvern għandu jidħol hu biex iwettqu għaliex dan hu l-uniku post fejn jista’ jsir parkeġġ fil-Mellieħa, sostna Robert Cutajar.