Lokali Parlament

Kieku Daphne għadha ħajja kienet tkompli tinvestiga l-korruzzjoni u tant iktar


Claudette Buttigieg, PN


Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet fil-Parlament li kieku Daphne għadha ħajja kienet tkompli tinvestiga l-korruzzjoni u tant iktar.


Meta kienet qed titkellem fl-Aġġornament tal-Parlament, id-deputat Nazzjonalista semmiet diskors li kien sar fis-6 ta’ Settembru 2021 waqt Jum il-Vitorja mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, li fih kienet tkellmet dwar il-qtil ta’ Raymond Caruana, Karin Grech u Daphne Caruana Galizia u dwar l-importanza tal-ħidma tal-ġurnalisti bħala r-raba’ pilastru tad-demokrazija. Id-deputat Nazzjonalsta qalet li Myriam Spiteri Debono reġgħet irrepetiet dan id-diskors fl-ewwel diskors tagħha meta laħqet President ta’ Malta.


Claudette Buttigieg qalet li fis-16 ta’ kull xahar hi dejjem titkellem fil-Parlament fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u kompliet li hekk kienet qed terġa’ tagħmel f’għeluq is-sitt sena u sitt xhur mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.


Id-deputat Nazzjonalista kompliet illi kieku Daphne għadha ħajja, kienet tkompli tfittex għall-verità quddiem il-korruzzjoni politika u l-abbuż tal-poter f’Malta. Kieku għadha ħajja, Daphne kienet tkompli tesponi l-għemil ħażin f’kull korruzzjoni u fit-tnawwir tad-demokrazija. Bla dubju li kieku għadha ħajja, Daphne, kienet tiffoka fuq ir-responsabbiltà politika ta’ kull deputat u kienet tkompli tiskrutinizza stejjer li kienet kixfet fuq uffiċjali tal-gvern.


Kieku għadha ħajja Daphne, kienet tkompli tinvestiga kull allegazzjoni ta’ użu ħażin ta’ fondi pubbliċi, attentati biex tiġi evitata r-responsabbiltà u dwar is-saltna tad-dritt. Kieku ma nqatlitx Daphne kienet tinvestiga intriċċi legali, intriċċi relatati mal-istat tad-dritt, mal-indipendenza tal-ġudikatura, mal-effettiva tal-istituzzjonijiet fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u ma’ kull tentattiv biex tkun imminata l-ġudikatura. Żgur li Daphne kienet tiffoka fuq il-libertà tal-istampa, kienet tappoġġja l-libertà tal-istampa u kienet tkun it-tarka tal-protezzjoni tal-ġurnalisti.


Claudette Buttigieg qlet li problema li trid tkun indirizzata hi li l-partiti għandhom il-ġurnalisti li m’għandhomx il-libertà li jitkellmu kif jixtiequ għaliex iridu jimxu mal-linja tal-partiti. Id-deputat Nazzjonalista sostniet li kieku Daphne għadha ħajja, kienet tkompli timbotta għal iktar trasparenza mill-gvern u tinvetsiga iktar fil-fond l-iskandlu tal-isptarijiet, li fih Vitals kienet biss faċċata.


Il-kitba ta’ Daphne kienet xempju ta’ kuraġġ u integrità minn ġurnalista li ma kellhiex biża’ biex tiddefendi d-demokrazija, sostniet id-deputat Nazzjonalista.