Lokali

Kritika għall-fatt li l-Gvern Laburista abbanduna s-settur tas-saħħa

F’laqgħa li saret bejn l-MUMN u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, issemma’ kif fl-aħħar snin rajna biss lill-Gvern jabbanduna lis-settur tas-saħħa b’detriment għall-poplu Malti u Għawdxi.

Il-President tal-MUMN, Paul Pace, fisser kif is-sitwazzjoni fis-saħħa wasslet sal-punt fejn l-Isptar Mater Dei mhux ilaħħaq mad-domanda – filwaqt li kull faċilità qed tesperjenza nuqqas kbir ta’ infermieri. Dan apparti li s-soluzzjonijiet tal-Gvern Laburista qed ikunu bla pjan, u mingħajr direzzjoni ċar. Dan b’detriment mhux biss għall-pazjenti, iżda anke għall-ħaddiema f’dan il-qasam tant importanti.

Il-Kap tal-PN fakkar kif din is-sitwazzjoni waslet wara li l-Gvern ta’ Robert Abela berbaq il-miljuni ta’ ewro li suppost kellhom jiġu investiti f’dan is-settur – miljuni li marru fil-bwiet ta’ Vitals u Steward, li ma investew xejn f’pajjiżna. Kuntratt li ġie dikjarat mill-Qorti bħala frawdolenti u li sar b’kollużjoni.

Bernard Grech qal ukoll li dak li qed iseħħ fis-saħħa mentali huwa inaċċettabli, b’mod speċjali meta tara l-istat li l-Isptar Monte Karmeli tħalla fih – u l-fatt li l-Gvern warrab il-wiegħda li jinbena sptar ġdid.

Preżenti għal din il-laqgħa mal-MUMN kien hemm fost l-oħrajn ix-Shadow Ministers Adrian Delia, Ivan Castillo u Ian Vassallo, flimkien mal-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Norma Camilleri.