Lokali Qorti

Mhux ħatja li kkaġunat feriti gravi fuq tfajla f’Paceville fl-2013

Mara, li llum għandha 30 sena resdienti San Ġiljan ma nstabitx ħatja li kkaġunat feriti gravi fuq tfajla oħra b’daqqa ta’ tazza f’Paceville. Sħabha, għall-ewwel qal li kienu raw l-akkużata fl-istess stabilliment, iżda fil-Qorti qalu li ma rawx l-inċident iseħħ.

Fil-qorti ħareġ ukoll li minn dak li xehed it-tabib, li l-vittma ma sofrietx minn ġrieħi gravi imma minn ġrieħi ħfief mhux kif il-prosekuzzjoni akkużat lit-tfajla. Fid-dawl ta’ dan kollu l-Qorti ddikjarat li ma kienx hemm biżżejjed provi li juru li kienet Kristina Xuereb li waddbet it-tazza lejn il-vittma. L-inċident seħħ fis-sajf ta’ 11-il sena ilu fi stabbiliment f’Paceville. Hi tressqet il-Qorti mixlija li weġġgħet tfajla b’mod gravi f’rasha.

Il-Qorti semgħet ix-xhieda tal-vittma li qalet li kienet bilqiegħda f’bar f’Paceville u f’daqqa waħda xi ħadd tefgħalha tazza tal-ħġieġ għal rasha. Hi qalet li ma kinitx taf x’ġara iżda bdew jgħidulha li għandha ħafna demm.

Il-vittma qalet li f’daqqa waħda rat tifla tiġri ’l hemm u daħlet ġo karozza. Il-vittma indikat li l-persuna li waddbet it-tazza kienet l-imputata u qalet li kien hemm xi nies li qalulha kienet hi. Il-vittma spjegat li ħabib tagħha, li kien magħha dakinhar, kien qalilha min kienet għax kien jafha.

Il-vittma kompliet tixhed li l-imputata kienet iċċemplilha u theddidha qabel ma ġara li ġara. Fost ix-xhieda ta’ sħabha, kien hemm waħda li qalet li rat mara taqbad tazza u tkissirha fuq ras seħbitha. Madankollu, ma kinitx taf min kienet għax kienet xurbana.

Xhud oħra qalet li l-vittma kienet qed tibgħat xi messaġġi lill-għarus tal-imputata u kienet ilha ġurnata tibgħatlu. Madankollu, lanqas hi ma ddentifikat lill-imputata bħala t-tfajla li waddbitilha t-tazza. Ħabib tagħha xehed li kien hemm xi argument iżda ma kienx hemm hu u qal li l-argument qam mal-imputata waqt li kulma ra ġlieda imma ma setax jara sew.

Ix-xhud sostna li hu ma kienx ra l-argument iseħħ u qal li wara marru jagħmlu rapport l-għassa. Fil-Qorti xehdet ukoll il-persuna li saqet il-karozza. Hija qalet li kienet id-dar meta l-imputata ċemplitilha biex tmur għaliha d-dar, marret għaliha u saqu għal Paceville.

Ix-xhud qalet li l-imputata ħarġet mill-karozza u hi saqet u li sakemm saqet l-imputata kienet barra u xħin marret fejn il-karozza kienet irrabbjata. Hija qalet li ma rat xejn u spjegat li l-imputata bdiet tibki u li meta staqsietha xi ġralha weġbitha biex tħalliha kwieta.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, semgħet xhieda ta’ tabib li tgħid li l-vittma weġġgħet ħafif. Innotat li ħadd ma raha lill-imputata tagħti daqqa lill-vittma jew saħansitra fl-istabbiliment.

Il-Maġistrat qalet li l-vittma ma tafx min taha d-daqqa u identifikata għaliex sħabha rawha imma meta sħabha xehdu, ħadd ma qal li raha tagħti daqqa lill-vittma. Wara li qieset li ma kienx hemm biżżejjed provi, il-Qorti, ma sabitx lill-imputata ħatja u lliberata minn kull ħtija.