Lokali Parlament

Problemi kbar ta’ storbju b’inkonvinjenti kbar għar-residenti u t-turisti


Graziella Galea, PN


Id-deputat Nazzjonalista Graziella Galea sostneit fil-Parlament li f’diversi lokalitajiet hemm problemi kbar ta’ storbju li qed joħolqu inkonvinjenti kbar għar-residenti u t-turisti.


Graziella Galea qalet li mhux biżżejjed isiru r-rapporti dwar l-iżvilupp sostenibbli, iżda jrid ikun aċċertat li dak li jkun miktub fil-fatt ikun prattikat. Hi tkellmet dwar l-inklużjoni u l-volontarjat u qalet li l-problema tal-ħsejjes u l-istorbju kaġunati mill-kostruzzjoni, id-divertiment u t-traffiku qed jikkaġunaw inkonvjinenti kemm lir-residenti Maltin kif ukoll lit-turisti.


Hi qalet li minkejja li r-regoli jinsabu hemm, m’hemmx awtorità waħda li għandha l-istrument neċessarju biex tkejjel l-istorbju fil-lokalitajiet.


Id-deputat Nazzjonalista kompiet li jeħtieġ li l-pulizija jkollha dawn l-istrumenti biex b’hekk ikunu jistgħu jittieħdu l-passi kontra min jikser il-liġi. M’għandux ikun aċċettabbli li jridu jkunu r-residenti li jqabbdu kumpaniji privati biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom quddiem dawn l-abbużi.


Dwar il-kwalità tal-arja, Graziella Galea qalet li hemm tniġġiż tal-arja li qed iwassal biex ħafna żgħażagħ qed jitilqu mill-pajjiż.


Hi semmiet il-widien u qalet li t-titjib fil-widien għandu jsir b’rispett lejn l-ambjent u b’interventi kawti. Filwaqt li kkundannat ir-rimi tal-iskart, Graziella Galea qalet li xorta fadal persuni li mhumiex jirriċiklaw kif suppost. Jeħtieġ għalhekk infurzar fejn meħtieġ waqt li l-iskart ma jitħallatx meta jkun qed jiġi riċiklat.


Hi tkellmet dwar l-immaniġġjar tal-ilma u qalet li jrid ikun ikkunsidrat ukoll id-drenaġġ fejn hemm postijiet li fihom irid ikun hemm bidliet kbar fis-sistemi tad-drenaġġ anki fit-tisfija tad-drenaġġ biex dan ma jispiċċax fil-baħar.


Graziella Galea qalet li l-volontarjat għandu jingħata l-appoġġ u sostniet li l-għajnuna m’għandhiex tingħata biex il-ministri jieħdu vantaġġi fil-lokal. Il-persuni b’diżabbiltà għandhom jingħataw l-appoġġ kollu meħtieġ mingħajr ma jkun hemm indħil politiku. Il-pajjiż għandu bżonn iktar LSEs, sostniet id-deputat Nazzjonalista li tkellmet dwar l-importanza tal-aċċessibbiltà fl-iskejjel.