Lokali

Robert Abela maqtugħ mir-realtajiet tal-Maltin u l-Għawdxin – PN

Robert Abela jibqa’ l-unika persuna f’Malta li jemmen il-gidba tiegħu stess li l-ħajja qed torħos.

Sostna dan ix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja, Ivan Castillo; fejn saħaq li statistika uffiċjali tal-Unjoni Ewropea llum ikkonfermat li r-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta hi ogħla mill-medja Ewropea, tant li qabżet lil pajjiżi bħall-Iżvezja, il-Ġermanja, id-Danimarka, Ċipru u Franza.

Dan juri kif il-miżuri li ħa Robert Abela biex jipprova jrażżan l-għoli tal-ħajja, fallew.

Huwa kompla jgħid li dan b’kuntrast mal-falliment tal-Gvern Laburista, il-Partit Nazzjonalista għandu pjan ħolistiku biex jikkumbatti l-għoli tal-ħajja u biex fl-aħħar mill-aħħar, il-poplu Malti jgħix aktar komdu.

Dawn jinkludu li:

– Titneħħa t-taxxa minn fuq iż-żieda tal-COLA

– Jingħataw tax credits lil min iħaddem biex jagħmlu tajjeb għaż-żidiet riżultat tal-COLA

– Jinħoloq Fond Nazzjonali biex nappoġġjaw lill-industrija li timporta jew tesporta biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż

– Jinħoloq mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, li jimmiraw għal xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna