Il-Kunsill Lokali tal-Munxar se jkun qed itella’ t-tielet edizzjoni tal-Fireworks & Gastronomy Festival – avveniment li ħafna jkunu qed jistennew minn sena għall-oħra.
Waqt dan il-festival, li se jkun qed isir fis-26 ta’ April, mit-8 ta’ filgħaxija ‘l quddiem, se jkun hemm spettaklu pirotekniku b’logħob tan-nar sinkronizzat mal-mużika. U ma jistax jonqos li se jkun hemm għażla vasta ta’ ikel u ħelu ta’ kull xorta.
Dan il-festival huwa bla dubju ċelebrazzjoni tat-tradizzjonijiet kulinari u kulturali ta’ pajjiżna.
Mill-kċina lokali għal wirjiet pirotekniċi u divertiment dan il-festival se joffri esperjenza indimentikabbli għall-Għawdxin, Maltin u anke turisti. Fis-serata se jkun hemm fost l-oħrajn divertiment mill-kantanta Ira Losco, DCapitals Big Band, u Ozzy Lino.
Intant, il-Kunsill Lokali tal-Munxar għamel użu ta’ fondi lokali u Ewropej sabiex jimplimenta proġetti bħall-Belvedere ġdid fejn se jiġi organizzat dan il-Festival.



